Diskorsi minn dinjitarji vajri
Diskorsi minn dinjitarji vajri fil-Parlament Brittaniku fit-22 ta’ Ottubru 2008 fil-Preżenza tal-Qdusija Tiegħu, il-Mexxej tal-Komunità Aħmadija, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad.
Justine Greening, Membru Parlamentari ta’ Putney u l-organizzatriċi ta’ dan l-avveniment.
Wara nofsinhar it-tajjeb lil kulħadd. Irrid nagħti l-merħba tiegħi lil kulħadd hawnhekk ġewwa l-Parlament. Hi tassew ġurnata speċjali llum li għandna magħna lill-Qdusija Tiegħu hawnhekk kif ukoll il-Komunità Aħmadija lokali, mhux biss mill-kostitwenza tiegħi ta’ Putney, iżda kif naf minn Londra kollha u attwalment mir-Renju Unit kollu. Hi ġurnata ħafna speċjali u privileġġ għalina li nilqgħukom hawn fil-Parlament. Ovvjament, infatti hi parti miċ-Ċelebrazzjonijiet ħafna importanti li qed isiru madwar id-dinja, iżda partikolarment hawnhekk fil-Gran Brittanja fejn qed jiġi ċċelebrat il-mitt sena tal-Khilafat Aħmadija. Jiena tassew kburija għaliex hawn fir-Renju Unit nista’ ngħid li l-ewwel moskea twaqqfet ġewwa Sothfields li hu parti mill-komunità ta’ Putney. U minn dak iż-żmien (dejjem) ħadet parti vitali u pożittiva fil-komunità ta’ Southfields. U l-motto ta’ ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd’ naħseb hu wieħed li attwalment il-komunità kollha tista’ tgħix b’dan il-motto, u li għalhekk hu tant privileġġ għalina li nistgħu nagħmlu l-parti tagħna u għalija bħala l-Membru Parlamentari tal-lokal li nista’ nagħmel il-parti tiegħi u nilqagħkom għandna hawnhekk fil-Parlament biex niċċelebraw din il-ġrajja.
Irrid ngħid grazzi lilkom kollha li ġejtu hawn illum, u partikolarment lill-Membri Parlamentari kollha. L-Erbgħat huma jiem mimlijin attivitajiet fil-Parlament u jien naf li hu sinjal ta’ rispett li għandna lejn il-Komunità Aħmadija u l-kontribuzzjoni li tagħti lil pajjiżna li ġabet numru kbir ta’ Membri Parlamentari, u Peers infatti, li jiġu hawn illum biex juru r-rispett tagħhom. Aħna għandna ġurnata mimlija attivitajiet illum attwalment quddiemna. Wara r-riċeviment ikun hemm numru ta’ laqgħat u jien ikolli ċ-ċans li ndawwar lill-Qdusija Tiegħu madwar il-Parlament sabiex forsi jkun jista’ jara fejn ħafna minna jgħaddu l-ħin. Iżda sadanittant jien sejra nħalli f’idejn il-Ministru tal-Uffiċċju Barranin, Gillian Merron li ġentilment ġiet biex tkun tista’ tkellimna llum.
Aħna grati ħafna għax-xogħol li qed jagħmel l-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin f’isem il-Komunità bi sfida għall-persekuzzjoni li qed issir madwar id-dinja kontra l-Komunità Aħmadija. Ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin meta jappoġġja d-drittijiet umani u l-libertà hu assolutament vitali u aħna kuntenti tassew li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Gillian Merron setgħet tingħaqad magħna, għalhekk issa nħalli lilek titkellem, Gillian. Grazzi
L-Onorevoli Gillian Merron, Membru tal-Parlament għal Lincoln u s-Sotto Segretarja Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u l-Commonwealth.
Hu unur kbir li niltaqa’ mal-Qdusija Tiegħek u li qed niċċelebraw iċ-Ċentinarju tal-Khilafat ma’ membri oħra Parlamentari u membri tal-Komunità Aħmadija llum, li huma rappreżentati tassew kemm madwar id-dinja imma dażgur madwar ir-Renju Unit. U jien naf li ħafna membri tal-Komunità huma nies importanti u membri stmati tal-kostitwenti tal-kollegi parlamentari hawn illum.
Nixtieq ningħaqad mal-fehma li Justine għandha dwar għaliex hawn daqstant Membri Parlamentari preżenti. Ir-raġuni hi li l-Komunità (Aħmadija) hi importanti ħafna għalina.
Nixtieq nibda billi ngħid kemm hu importanti x-xogħol tal-Komunità Aħmadija. Dan japprofondixxi l-fehim ta’ oħrajn u kif wieħed iħares lejn il-fidi u jagħti vuċi lil dawk li huma mwarrba fil-ġenb fis-soċjetajiet tagħhom stess.
F’dak il-kuntest jien imħassba partikolarment u naf li ħafna minnkom illum ukoll inħassba dwar rapporti tad-diffikultajiet li l-Komunità qed taffaċċja madwar id-dinja inklużi l-Pakistan u l-Indoneżja. U jien irrid nagħti l-assigurazzjoni tiegħi llum li dan il-gvern qed iqajjem dawn l-argumenti importanti mal-awtoritajiet f’dawn il-pajjiżi u ma noqogħdux inlaqalqu meta nippressaw għal drittijiet umani aħjar għall-gruppi f’minorità, huma fejn huma.
L-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth u d-Dipartiment tal-Iżvilupp Internazzjonali, u l-Ministeru tal-Difiża, aħna lkoll naħdmu flimkien bl-iskop li ntejbu l-qagħda ta’ popli, huma fejn huma fid-dinja. Li nippromwovu t-tolleranza, inklużjoni u rispett għad-drittijiet umani huma parti ċentrali ta’ dak li nagħmlu, u aħna kommessi li nkomplu dak ix-xogħol. Il-ġimgħa li għaddiet ikkonkludejt id-dibattitu fil-House of Commons dwar id-Drittijiet Umani u d-demokrazija madwar id-dinja. U jien għedt li għandna missjoni, missjoni biex nippromwovu d-drittijiet umani, mhux biss għaliex hu fl-interess tagħna, iżda għaliex hi ħaġa għaqlija li tagħmel hekk u wkoll għaliex hi l-ħaġa ġusta li tagħmel hekk. Jien ukoll irrid nuri rikonoxximent għax-xogħol ta’ gruppi u individwi li jżommu sod favur id-Drittijiet Umani f’kundizzjonijiet diffiċli u ħafna drabi perikolużi, li bħalhom ħafna minna lanqas biss ma joħolmu li jeżistu. U jien nagħti importanza kbira lix-xogħol li l-uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth qiegħed jagħmel ma’ gruppi bħal dawn, inklużi l-Komunità Aħmadija u l-membri individwali tagħha.
Il-Qdusija Tiegħek, ħbieb u kollegi, illum qed naraw perspettiva unika miġjuba għax-xogħol tagħna għad-drittijiet umani partikolarment fil-libertà tar-reliġjon. Jien nemmen li permezz tal-kontribuzzjoni tagħkom, il-politika tad-Drittijiet Umani hi aktar b’saħħitha u aħjar u jien nittama ħafna li nkomplu koperazzjoni mill-qrib fil-futur. Hi xi ħaġa li jien qed inħares ‘il quddiem għaliha.
L-Onorevoli Hazel Blears, Membru Parlamentari għal Salfor u s-Segretarju tal-Istat għal Komunitajiet u Gvern Lokali.
Grazzi ħafna u jien nista’ ġenwinament ngħid li ħadt gost li kelli l-opportunità li nisma’ dak l-indirizz u jien naħseb li ħafna minna f’din is-sala kienu jibqgħu jisimgħu għal ħafna aktar ħin, għaliex jien naħseb li l-affarijiet li inti kellek xi tgħid kienu pertinenti, kontemporanji, tassew iqanqlu u wkoll, naħseb ta’ sfida, u kienu l-aqwa kwalità ta’ indirizzi, li ma tantx wisq hi xi ħaġa li l-politikanti dejjem jagħmlu. Iżda kien pjaċir assolut li qgħadt nisimgħek.
Jisimni Hazel Blears u jien is-Segretarju tal-Istat għal Komunitajiet u Gvern Lokali, u jien qiegħda hawn illum, naħseb għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hi l-kompetenza tiegħi bħala Ministru responsabbli li nġib il-komunitajiet fil-pajjiż kollu minn kull twemmin u minn kull ambjent biex jaqsmu flimkien dawk il-ħwejjeġ li jgħaqqduna u biex niċċelebraw dan il-fatt. Iżda naħseb li aktar ta’ importanza llum hi li nġibilkom l-isbaħ xewqat tal-Prim Ministru (L-Onorevoli Gordon Brown). Hu jixtieq li jkun hawn iżda hu speċifikament talabni biex niġi u nilqagħkom fil-House of Commons u wkoll biex nagħti merħba lil ħafna u ħafna Membri Parlamentari li nista’ nara fl-udjenza. Hu ta’ pjaċir għal kollha kemm aħna li għandna l-opportunità li nkunu flimkien.
Jien għandi messaġġ qasir, jien nissopponi llum, u dan hu li realment ngħid li l-bażi tal-valuri tagħkom naħseb li hu importantissmu għalina lkoll. U dan hu ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd’. Jien naħseb li dak hu mod sempliċi li tiġbed l-attenzjoni ta’ xi ħaġa li hi inkredibilment speċjali u tassew ħafna importanti, fix-xogħol kollu li nagħmel ma’ komunitajiet ta’ twemmin differenti, il-bnedmin kollha li jagħmlu r-Renju Unit (pajjiż) tal-għaġeb u divers.
Jien naħseb li hemm ċertu affarijiet li jgħaqqduna madwar il-valuri ta’ dan il-pajjiż u dan hu dwar il-paċi, hu dwar il-mogħdrija, hu dwar l-ugwaljanza u hu dwar ir-rispett reċiproku. U dawn huma kliem ħfief biex tgħidhom imma attwalment ideali diffiċli mhux ħażin biex tgħixhom. U jien naħseb li kull wieħed u waħda minna fil-ħajja tagħna jagħmel minn kollox biex jilqa’ din l-isfida. Aħna mhux dejjem jirnexxielna u xi kultant niżolqu u jien naħseb li l-kliem li inti għedt dwar li tgħin lil dawk li jiksru l-liġi kultant tarġa’ ġġibhom lura fit-triq tas-sewwa huma tassew kliem li jgħolluk ‘il fuq moralment u ta’ ottimiżmu. Għaliex nemmen li l-bnedmin jistgħu jinbidlu. Il-bnedmin kapaċi li jaċċettaw dawn il-messaġġi komplessi, il-bnedmin kapaċi jaħaddnu valuri ġodda.
Jien naħseb li l-impenn sod u profond fil-Komunità Aħmadija hu xi ħaġa li għandha tkun ispirazzjoni għal kull wieħed u waħda minna. Jien naf li kultant ix-xogħol li nagħmel hu diffiċli, hu ta’ sfida u jien naħseb li l-Membri Parlamentari kollha u l-mexxejja ċiviċi jgħidu l-istess ħaġa. Meta jkollna dawn il-kwalitajiet ta’ ispirazzjoni u tmexxija spiritwali minn nies li l-profondità tat-twemmin tagħhom hi litteralment ta’ ispirazzjoni għalina lkoll naħseb li mbagħad ikollna l-enerġija li nkomplu nagħmlu dawk l-affarijiet li huma importanti għalina. Xi wħud mill-valuri li jitfissru f’termini tanġibbli waqt li jippruvaw jassiguraw li fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li għaddejjin minnhom aħna ngħinu kemm nistgħu lil dawk li qed jitħabtu biex iħallsu d-djar tagħhom, u jħarsu l-impjieg tagħhom, in-negozji tagħhom u l-kapaċità li jagħmlu differenzi pożittivi fil-komunitajiet tagħna.
Iżda huma dawn il-valuri li jmexxuna ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba u jekk aħna nitilfu l-valuri tagħna allura nkunu fil-periklu li nidħlu f’sitwazzjonijiet tassew diffiċli.
U jien ridt ukoll nirringrazzja lil Justine talli organizzat dan l-avveniment tal-lum. U jien kuntenta li hawn nies minn kull partit politiku u jien naħseb li l-valuri jirfdu l-ideoloġija politika u aħna nieħdu sehem f’ħafna minn dawn il-valuri. U jien ukoll ridt ngħid li naf li ħafna minnkom tiftakru lil Tony Coleman, li qabel kien Membru Parlamentari Lokali u li hu stmat ħafna mill-ħafna membri tal-komunità wkoll.
Għalhekk, jiena kuntenta li intom hawn, ferħana li għandkom l-opportunità li tiċċelebraw, kuntenta ħafna li qegħdin mal-kollega Gillian Meron li hi l-Ministru l-ġdid tal-Affarijiet Barranin, imma jiena żgur li hi tkun il-kampjun meraviljuż għal ħafna komunitajiet f’dan il-pajjiż kif ukoll li toħloq relazzjonijiet kbar madwar id-dinja kollha.
Intom milqugħin b’merħba hawnhekk, il-qalba tad-demokrazija u jien irrid nagħti rikonoxximent personali għall-ħwejjeġ kollha li intom tagħmlu fil-komunità tagħkom u l-valur li ġġibu. Fuq kollox naħseb kienet l-idea li jien jkolli l-pjaċir li nismagħkom, li nieħu ftit ħin minn post mimli attività, f’post fejn kultant xi ħwejjeġ jitħawdu, fejn xi nies kultant mhux biss jargumentaw għal dak li jridu, mhux hekk Justine? Aħna jkollna dibattiti tajbin, qawwija u kkontestati b’ħeġġa kbira, iżda biex inkunu nistgħu nieħdu ftit ħin ‘il hemm minn xi kunflitt biex ikollna mument ta’ paċi u konsiderazzjoni u ċ-ċans biex naħsbu ftit aktar fil-fond fuq dak li jqanqal lil kull wieħed u waħda minna hu prezzju immens.
Is-Sur Alan Keen, Membru Parlamentari għal Feltham u Heston.
Grazzi talli tajtuni l-privileġġ li nkun parti minn dan l-avveniment tagħkom illum wara nofsinhar u nittama li intom ilkoll ħadtu pjaċir b’din l-opportunità li tkunu hawn fil-Parlament.
Dalgħodu ħadt qatgħa mhux ħażin, ħsibt li għamilt xi ħaġa ħażina, għaliex irċevejt e-mail mill-Prim Ministru, li bdiet ‘Għażiż Allan’, ħsibt li riedni nkun iċ-Chancellor of the Exchequer (il-Ministru tat-Teżor) biex jikkastigani għal xi ħaġa li ovvjament inkun għamilt, iżda mhux dak kien, kienet l-aqwa ħaġa li setgħet tkun. Kiteb:
“Għażiż Allan, ridt nibgħatlek nota biex infissirlek kemm jiddispjaċini li ma nistax inkun magħkom għal dan l-avveniment illum meta intom miġbura mal-ħbieb mill-Komunità Aħmadija Musulmana. Jien naf li int u Hazel, u Hazel kienet hawn, twasslu l-aqwa xewqat tiegħi u dawk tal-moviment Laburista kollu għal din l-okkażjoni ta’ risq tajjeb taċ-Ċentinarju tal-Khilafat.
Jekk jogħġbok wassal il-merħba tiegħi mill-qalb lill-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, flimkien miegħu dawk kollha li jqimu lil Alla f’aktar minn mija u sitta u sebgħin pajjiż, il-komunità Aħmadija Musulmana Brittanika tkompli taħdem għall-paċi u t-tolleranza u biex issaħħah id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti kemm hawn kif ukoll barra minn pajjiżna. Jien naf li kemm int kif ukoll Hazel tkomplu żzommuni nfurmat bil-ħafna suċċessi tal-Aħmadija Musulmana fil-Gran Brittanja. Jekk jogħġbok wassal l-apprezzament u l-grazzi tiegħi lil dawk kollha miġburin magħkom illum u permezz tagħhom lil ħafna membri tal-Aħmadija Musulmana li qed jagħtu kontribut tant siewi lill-pajjiż.
L-isbaħ xewqat. Gordon.“
Kieku kelli biss ngħid żewġ kelmiet, naħseb din il-ġimgħa llum kienet tpoġġi d-differenzi poliċi relattivament żgħar fil-perspettiva. Jiena naf għaliex hawn ħafna politikanti. Huma qegħdin hawn għaliex jifhmu l-impenn għall-paċi fid-dinja kollha tal-Komunità Aħmadija. Huma qegħdin hawn għaliex iltaqgħu ma’ nies fil-komunitajiet tagħhom stess mill-komunitajiet Aħmadija u hu għalhekk li aħna lkoll nagħtu wegħda solenni li nagħtu l-appoġġ tagħna u nirringrazzjawkom għal dak li tagħmlu. U biex nuri kemm id-differenzi politiċi huma żgħar, jien diġà wrejt lill-Qdusija Tiegħu li hi (Justine Greening MP) hi waħda mill-favoriti tiegħi, għalkemm hi membru ta’ partit differenti.
Nista’ nżid ukoll li meta l-Majestà Tagħha r-Reġina talbitni biex ningħaqad mas-servizzi armati jien ippruvajt nipperswadiha li kien ikun aħjar għas-servizzi armati jekk jien ma kontx ningħaqad magħhom, iżda fl-aħħar kelli ningħaqad. U jien kont ibbażat fiċ-ċentru ta’ Londra iżda kont noqgħod ġewwa Orpington, u lura fil-bidu tas-snin sittin jien ivvutajt lid-Demokratiku Liberali Lord Avebury u għentu jitla’ fil-Parlament u baqa’ jitla’ matul is-snin.
Għalhekk grazzi lill-Qdusija Tiegħek u grazzi Justine talli għentu biex organizzajtu dan l-avveniment u nħossni umli ħdejkom ilkoll.
L-Onorevoli Mr. Dominic Grieve, Membru Parlamentari għal Beconfield, (u l-kelliem għall-oppożizzjoni għall-Affarijiet Interni) x-Shadow Home Secretary.
Grazzi ħafna Justine, u hu pjaċir kbir li għal darba f’dan l-avveniment qegħdin nilqgħu għandna lill-Komunità Aħmadija minflok, kif ġieli jiġri, nkunu l-mistednin tal-Komunità Aħmadija fil-ħafna funzjonijiet tagħkom. Intom tassew grupp ta’ nies dejjem eċċezzjonali. Li mmorru għall-konvenjoni annwali tagħkom ġewwa Hampshire fil-limiti ta’ bejn Hampshire u Sussex hu li nkunu preżenti għal xi ħaġa probabilment unika fil-ħajja tal-Brittaniċi, li hi li tara madwar il-ħamsa u sebgħin jew tmenin fil-mija tal-popolazzjoni kollha li huma Aħmadi Musulmani prattikanti f’dan il-pajjiż kollha miġburin f’post wieħed. Issa din kieku tkun il-ħolma ta’ politikant kieku nkunu nistgħu norganizzaw laqgħa bħal din għalina, iżda jien dejjem kont impressjonat b’laqgħa bħal din bħala waħda mill-attributi eċċezzjonali tagħkom.
Il-kontribuzzjoni għall-ħajja nazzjonali tagħna kienet ukoll immensa. Kull ma neħtieġ hu li nħares madwari f’din is-sala u nara xi wċuħ tassew familjari u li tkun taf li fil-ħajja pubblika, fil-politika, fis-servizz ċivili, fil-forzi armati, fil-professjonijiet u fin-negozju l-Aħmadin huma rappreżentati sew u dak kollu, dażgur jiġi għaliex hemm politika ta’ proċess ta’ impenn u li b’hekk aħna nistgħu niddiskutu ħwejjeġ ta’ importanza u nimimoderaw l-idea ta’ xulxin billi nibdlu ideat u kif il-qdusija tiegħek stess għedt fid-diskors tiegħek illum li l-aktar ħaġa importanti tal-Iżlam hi u li intom tipprattikaw u li tassew hu kompatibbli mad-djalogu ta’ bejn ir-reliġjonijiet li jien naf hu produttiv immens għalina lkoll.
Għalhekk jien nixtieq li ngħid grazzi ħafna għall-istedina, għall-pjaċir li nkun nista’ nkun wieħed minn dawk li kollettivament qed nilqgħu lilkom hawn fil-House of Commons u għall-fatt li dan hu l-mitt anniversarju tal-moviment li kellu u għandu konsegwenzi profondi, naħseb, fil-bini ta’ armonija bejn ir-reliġjonijiet u hu mudell għall-mod, f’termini ta’ kapaċità kif nies jintegraw fil-ħajja nazzjonali tagħna.
Żgur li waħda mir-raġunijiet, naħseb, li għażiltu li jkollkom il-kwartieri nazzjonali hawn ġewwa l-Gran Brittanja hi għaliex il-Gran Brittanja kellha u għandha f’dak il-kuntest ħafna x’toffri, li hi xi ħaġa li aħna nħossuna kburin ħafna li għandna l-Komunità Aħmadija ibbażata hawnhekk bil-komunikazzjonijiet madwar id-dinja kollha. U meta nħarsu ‘l quddiem jidhirli li dak li intom irnexxielkom tilħqu huma oġġetti li aħna lkoll nistgħu nibnu fuqhom. Iżda aħna lkoll nistgħu nimxu ‘l quddiem billi nimpenjaw lil xulxin għaliex aħna għandna ħafna x’nitgħallmu minn xulxin.
U f’dinja li ħafna drabi kif tgħid int diffiċli, ta’ spiss turi inġustizzja u fiha, dażgur, id-debbolezzi tagħna umani ħafna drabi jidhru ċari ħafna. L-opportunità li jkollok ħbieb ma’ min tiddiskuti dawn il-ħwejjeġ u tipprova tagħmel li tista’ għall-ġid ta’ uliedna u ulied uliedna hi ħaġa li tagħmilna lkoll ottimisti.
L-Onorevoli Mr. Simon Hughes, Membru Parlamentari għal North Suthwark u Bermondsey, President tal-Partit Demokratiku Liberali u x-Shadow Leader tal-House of Commons.
Il-Qdusija Tiegħek, Segretarju tal-Istat u ħbieb, naħseb li qegħdin hawn biex nuru l-kobor tal-merħba li hi mogħtija lilkom ilkoll u dan hu ġust, għaliex il-qdusija tiegħek kont tassew qalbek tajba li tilqa’ tant minna fil-kwartieri tiegħek u kif Dominic Grieve qal mument ilu għaċ-ċelebrazzjoni tagħkom fis-sajf. L-eluf miġbura kienu kollha hemm biex jitgħallmu u jaqsmu flimkien imma wkoll biex jagħtu merħba. U jien nixtieq biss nirrifletti malajr, malajr dwar tliet affarijiet li impressjonawni dwar dik iċ-ċelebrazzjoni.
L-ewwel hi li intom ġejtu, u intom milqugħin immens hawnhekk. Iva, il-Gran Brittanja qed tagħti merħba lill-kwartieri tal-Aħmadin f’dan il-pajjiż iżda l-komunità ma saritx xi ħaġa li qisu kienet xi setta magħluqa ġewwa l-Gran Brittanja.
Saret kommunità li tfittex tilħaq lilna lkoll minn partit għall-ieħor, fil-partiti, barra l-partiti, fil-komunità fejn intom ibbażati fil-Lbiċ ta’ Londra u postijiet oħra. U dak hu importanti ħafna għaliex biex twaqqa’ l-barrieri ta’ nuqqas ta’ ftehim u ta’ prejudizzju hemm bżonn li jsiru l-kuntatti u jien nirringrazzjakom għal dak u għall-kollegi tiegħek kollha.
It-tieni nett, bħala Membru Parlamentari ta’ Londra, jiena kburi bħal Allan u oħrajn. Jiena kburi li għandkom il-bażi tagħkom magħna. Aħna l-iktar belt kosmopolitana fl-Ewropa, probabbilment l-iktar waħda fid-dinja. Hu importanti għalina li r-reliġjonijiet il-kbar kollha tad-dinja jkunu rappreżentati hawn għaliex hu importanti ħafna li nitgħallmu ngħixu kif irridu l-kumplament tad-dinja tgħix f’postijiet fejn huma ħafna inqas tolleranti minn hawnhekk. Aħna rridu nservu ta’ eżempju. Aħna rridu nuru dik li hi l-aħjar prattika li nitgħallmu minn xulxin. Hawn ħafna nies ta’ reliġjon hawnhekk u ħafna nies oħra ta’ reliġjonijiet u ta’ twemmin differenti u l-aqwa komunitajiet fid-dinja huma fejn hemm rispett komplet assolut għal reliġjonijiet u twemmin differenti, u appoġġ għad-drittijiet tal-bnedmin li jirriżulta minn hekk, biex jassoċċjaw liberament, biex jagħtu qima mingħajr tfixkil, biex jippridkaw, biex jagħallmu u biex jimpjegaw in-nies u għalhekk aħna privileġġjati ħafna fuq hekk ukoll.
Iżda t-tielet ħaġa, nittama li qegħdin hawn waqt li qed niċċelebraw iċ-ċentinarju biex niftakru li x-xogħol li nitħabtu għat-tolleranza reliġjuża u l-libertà reliġjuża għadu mhux mitmum. Kull darba li kont mal-kollegi tagħkom, dejjem fakkruna kif kemm fil-Pakistan imma wkoll f’postijiet oħra fid-dinja n-nies mhumiex ħielsa biex jipprattikaw il-fidi tal-għażla tagħhom u aħna rridu nagħmluha żgur li nibqgħu naħdmu internazzjonalment. Gillian u ministri oħrajn fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barrani, naħdmu biex regolarment niċċalinġjaw postijiet fejn in-nies m’għandhomx l-istess libertà li ngawdu hawn. Naħseb li l-fatt li kollettivament hemm firxa wiesgħa ta’ kollegi miż-żewġ naħat tal-Kamra jindika li hemm impenn li nkomplu niddiskutu dak il-każ u biex naħdmu għal dik id-dinja, fejn f’kull pajjiż fid-dinja n-nies ikunu ħielsa biex jipprattikaw il-fidi tal-għażla tagħhom, u jimxu mat-twemmin li huma jemmnu li hu tajjeb għalihom. Dak ix-xogħol għadu mhux komplut, iżda nagħtu l-kelma tagħna fiċ-ċentinarju tagħkom li nagħmluh u nżidu b’enerġija akbar, hemm ħafna u ħafna aktar postijiet fid-dinja fejn l-Aħmadin ikunu jistgħu jgħixu fil-paċi u l-libertà, u jkunu ċittadini ugwali.
Lord Eric Averbury, Spokesperson fil-Lords fuq l-Africa u l-Libertajiet Ċivili, ilu għal żmien twil difensur tal-kawża tal-ħelsien tal-fidi u tal-kuxjenza f’isem il-Komunità Aħmadija.
Il-Qdusija Tiegħek! Ħuti. Assalam-o-Alaikum.
Hu privileġġ immens tiegħi li jitolbuni nipproponi vot ta’ ringrazzjament lill-Qdusija Tiegħu għall-indirizz meraviljuż li hu tana aktar kmieni u li diġà ntlaqa’ tajjeb mill-oħrajn, imma ħalluni ngħid kemm kien impressjonanti li nenfasizzaw id-dimensjoni morali ta’ dak li aħna lkoll qegħdin nagħmlu.
Dak li tkellmet fuqu Gillian Merron bħala l-oġġettivi tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin li nippromwovu l-inklużjoni, nirrispettaw id-Drittijiet Umani u dan jinkludu partikolarment il-libertà tar-reliġjon, li hi miċħuda lill-Aħmadin f’tant postijiet fid-dinja. Il-Qdusija Tiegħek tkellimt dwar kif ma nħallux isiru konflitti, soluzzjoni tal-konflitti li huwa wkoll xogħol vitali u importanti għall-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin. Aħna qegħdin naħdmu f’ħafna partijiet tad-dinja biex nippromwovu l-prevenzjoni tal-kunflitti u nippruvaw insolvu l-argumenti li jinqalgħu bejn il-bnedmin, xi wħud minnhom għandhom il-bażi tad-Drittijiet Umani miċħuda. U aħna lkoll nafu liema huma dawk li jikkonċernaw lill-Aħmadin, dawk partikolarment diġà msemmija fil-Pakistan u d-dagħwa tal-liġijiet infami li kien introduċa Żia ul Ħaq u li għadhom jitkomplew minkejja l-fatt li huma rritornaw għad-demokrazija.
Fil-Bangladesh kien hemm problemi, sospiżi għal dan il-mument, iżda bla garanzija żgura li ma jerġgħux jidħlu. Meta jkollok organizzazzjoni hemmhekk u f’partijiet oħra tad-dinja msejħa Khatam-e-Nabuwwat(L-organizzazzjoni Khatam-e-Nabuwwat temmen li l-Profeta Qaddis Muħammad, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu – hu l-aħħar Profeta u ma jistax jiġi ebda Profeta ieħor warajh.) li trid iċċaħħad lill-Aħmadin mil-libertà biex jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, kif jaraw huma l-Iżlam u kif smajna lill-Qdusija Tiegħek tfissru.
Ħafna mill-valuri li aħna nħaddnu, u hu diffiċli għalina għaliex ħaddiehor joġġezzjona għall-promozzjoni ta’ dwar il-valuri, bħala parti minn soċjetà multi-kulturali u multi-reliġjuża, u mbagħad naraw f’ħafna partijiet tad-dinja fejn din il-Khatam-e-Nabuwwat tiffjorixxi n-nies ta’ din l-organizzazzjoni jridu jċaħħdu lill-Aħmadin mil-libertà li aħna ngawdu hawnhekk, u li aħna nippruvaw nippromwovu permezz tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin lill-bqija tad-dinja.
Għalhekk, aħna tassew grati għaliex kif intqal għall-preżenza tal-Komunità Aħmadija f’dan il-pajjiż, din dejjem tfakkarna fl-obbligazzjonijiet li aħna għandna lejn popli oħra fid-dinja u li nipppromwovu l-ħelsien tagħhom u li nwaqqfu l-konflitti li jinqalgħu ta’ spiss. Għalhekk, grazzi ħafna Qdusija Tiegħek, għall-kliem tiegħek ta’ għerf, u jien nittama li aħna neħduhom in konsiderazzjoni u napplikawhom għal ħajjitna stess.
Grazzi ħafna.
No comments:
Post a Comment