Monday, June 7, 2010

FAQ About Islam In Maltese

FAQ About Islam in Maltese:

XI MISTOQSIJIET LI TA’ SPISS

JISTAQSU N-NIES DWAR L-IŻLAM

.....................................

X’INHU ĠIĦAD?

KIF IĦARES LEJN IT-TERRORIŻMU L-IŻLAM?

FL-IŻLAM, IN-NISA JITQIESU INFERJURI GĦALL-IRĠIEL?

KIF IĦARES L-IŻLAM LEJN IL-ĦARSIEN TAL-LIĠIJIET TAL-PAJJIŻ?

X’INHU L-KASTIG LI JINGĦATA FL-IŻLAM GĦAL MIN JIDGĦI?

X’KASTIG JINGĦATA GĦALL-APOSTASIJA FL-IŻLAM?

DAWK LI MHUMIEX MUSULMANI, JISTGĦU JIDĦLU F’MOSKEA?

X’JEMMNU L-MUSULMANI DWAR IL-PROFETI TAL-PASSAT U L-ISKRITTURI?

.....................................

XI TFISSER IL-KELMA ĠIĦAD?

Ġiħad hi kelma Għarbija li tfisser tistinka biex tilħaq xi oġġettiv partikolari. Fil-Koran Imqaddes meta Alla jgħid lill-bnedmin biex jipprattikaw il-Ġiħad, dan ifisser tistinka biex tilħaq kawża nobbli. Dan il-Ġiħad tista’ tagħmlu b’diversi modi – kollha kemm huma jfittxu biex jistabbilixxu u jippromwovu l-paċi fis-soċjetà.

IL-ĠLIEDA BIEX TIRRIFORMA RUĦEK:

Din hi meqjusa bħala l-ikbar Ġiħad għaliex hi l-ġlieda kontra t-tentazzjonijiet egoistiċi tagħna bħal ma ngħidu r-regħba, il-ħajra sesswali għal xi ħadd u xewqat oħra ta’ did-dinja. Il-Ġiħad irid mingħandna li nkunu iktar iddixxiplinati magħna nfusna sabiex inkunu nistgħu neżerċitaw kontroll morali fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna.

Id-dmir tal-Misilmin biex iwasslu l-messaġġ veru tal-Iżlam lill-oħrajn:

Il-Koran Imqaddes jenfasizza li din il-forma ta’ Ġiħad għandha ssir bil-għaqal, bit-tolleranza u b’rispett lejn l-oħrajn u t-twemmin tagħhom u jipprojbixxi l-użu tal-isfurzar jew tal-forza.

L-Infiq mill-ġid tagħna biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn:

Li tgħin lil dawk fil-bżonn, irrispettivament mill-kulur twemmin jew razza, hi forma fa’ Ġiħad li mhux biss tgħin biex tnaqqas it-tbatija tal-bnedmin iżda wkoll biex tistabbilixxi paċi soċjali u armonija bejn is-sinjuri u l-foqra.

Il-battalja difensiva:

Il-Koran Imqaddes jagħmilha ċara li dan it-tip ta’ Ġiħad (li hu forma ta’ Ġiħad ta’ livell aktar baxx) jista’ biss isir f’ċerti ċirkustanzi. Dawn iċ-ċirkustanzi huma spjegati f’dawn il-versi tal-Koran Imqaddes:

“Il-permess li tiġġieled hu mogħti biss lil dawk li l-gwerra tkun saret kontrihom, għaliex huma jkunu ttrattati ħażin – u Alla żgur għandu l-qawwa biex jgħinhom – Dawk li jkunu ġew imkeċċija minn djarhom inġustament biss għaliex ikunu qalu, ‘Is-Sid tagħna hu Alla’ – u jekk Alla ma jkunx warrab ċerti bnedmin permezz ta’ oħrajn, żgur li kien ikun hemm it-tkissir ta’ kjostri u knejjes u sinagogi u moskej, fejn l-isem ta’ Alla hu kkommemorat ta’ spiss.”

(Kap.22 : Versi.40-41)

Minn dan hu ċar li l-Musulmani jistgħu biss jaqbdu l-armi biex jiddefendu lilhom infushom jekk ikunu sofrew moħqrija, iffaċċjaw tħeddid għal ħajjithom u tkeċċew minn djarhom sempliċement għaliex ikunu pprattikaw ir-reliġjon tagħhom.

Fil-fatt skont l-Iżlam jekk il-Musulmani jkunu ppersegwitati għaliex ikunu qed jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, l-ewwel għandhom iħallu l-post fejn qed jiġu maħqura u jfittxu post ġdid. Jekk ukoll f’dan il-post ġdid l-oppressur ikompli jhedded ħajjithom u jkompli jattakkahom biex iwaqqafhom milli jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, imbagħad il-Musulmani jingħataw id-dritt li jaqbdu l-armi biex jiddefendu lilhom infushom.

Hu importanti li ninnotaw li l-battalja tista’ tkun biss għad-difiża u qatt ma tkun waħda offensiva. Dan hu affermat mill-ġdid mill-Koran Imqaddes li jgħid:

“U iġġieldu għall-kawża ta’ Alla kontra dawk li jiġġieldu kontrikom, iżda tiksrux il-liġi. Alla żgur ma jħobbx lil dawk li jiksru l-liġi.”

(Kap.2 : Vers.191)

Jekk ikun meħtieġ ta’ battalja difensiva, imbagħad l-Iżlam jipprovdi struzzjonijiet ċari lill-Musulmani dwar dak li jista’ u ma jistax isir, per eżempju, pajżani li mhumiex qed jiġġieldu kontra l-Musulmani ma jistgħux jiġu attakkati, propejtà bħal uċuħ tar-raba’ u sorsi oħra ta’ ikel u xorb, sptarijiet, orfanatrofiji, postijiet ta’ qima (ta’ kull reliġjon) ma jistgħux jinqerdu u nisa, tfal, ix-xjuħ u l-immankati m’għandhom jintmessu. Hekk, hu ċar ħafna li l-iskop ta’ battalja bħal din ikun biex terġa tiġi l-paċi u mhux biex issir l-aggressjoni.

Il-Ġiħad f’kull forma hu, għalhekk, mod biex nippromwovu l-paċi kemm fina nfusna kif ukoll fis-soċjetà tagħna. Kull azzjoni, għalhekk, li ma taħdimx għall-paċi ma nistgħux nirreferu għaliha bħala Ġiħad.

Kif iħares lejn it-terroriżmu l-Iżlam?

L-Iżlam jopponi t-terroriżmu f’kull forma għaliex il-kelma ‘Iżlam’ tfisser litteralment ‘paċi u sliem’. Id-dmir ta’ kull Musulman li jżomm il-paċi għandu tant għeruq fil-fond fl-Iżlam li l-Koran Imqaddes jiddeskrivi l-Musulmani tassew hekk:

“U l-qaddejja ta’ Alla tal-Ħniena huma dawk li jimxu fl-art b’mod dinjituż, u meta l-injuranti jindirizzawhom, huma jgħidu “paċi”.

(Kap.25 : Vers.64)

Ir-raba’ Kalif tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam, Ħażrat Mirża Taħir Aħmad, jispjega l-mod kif l-Iżlam iħares lejn it-terroriżmu bl-iktar mod ċar. Hu qal:

“Sa ma dak li għandu x’jaqsam mal-Iżlam, l-Iżlam kategorikament jiċħad u jikkundanna kull forma ta’ terroriżmu. Ma jipprovdi l-ebda għata jew ġustifikazzjoni għal kwalunkwe att ta’ vjolenza, kemm jekk issir minn xi indvidwu kif ukoll minn xi grupp jew gvern.... Jien nikkundanna bil-qawwa kollha kull att u kull forma ta’ terroriżmu għaliex hu t-twemmin tiegħi profond li mhux biss l-Iżlam iżda wkoll l-ebda reliġjon vera, hu x’inhu l-isem tagħha, ma tista’ tapprova l-vjolenza u t-tixrid tad-demm ta’ rġiel, nisa u tfal innoċenti f’isem Alla”.

(Qtil fl-Isem ta’ Alla, paġni 116 u 119)

Kif iħares l-Iżlam lejn l-ubbidjenza tal-liġi tal-pajjiż?

Fl-Iżlam, l-ubbidjenza lejn il-liġi tal-pajjiż hi dmir reliġjuż. Il-Koran Imqaddes jikkmanda lill-Musulmani li jibqgħu fidili mhux biss lejn Alla u l-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu), iżda wkoll lejn l-awtorità li taħtha jgħixu. Hekk jgħid:

“Intom ilkoll li temmnu! Obdu lil Alla, u obdu lill-Messaġġier Tiegħu u lil dawk li għandhom l-awtorità fuqkom.”

(Kap.4 : Vers.60)

Dan id-dmir ġie aktar spjegat minn Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Kap preżenti tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam imferrxa mad-dinja li qal:

“Musulman veru qatt ma jista’ jgħolli leħnu b’mibegħda lejn iċ-ċittadini sħabu, għalhekk lanqas lejn l-awtorità jew gvern ta’ dak iż-żmien. Hi r-responsabbiltà ta’ kull Musulman veru li jibqa’ leali u jobdi kompletament il-liġijiet tal-pajjiż li hu sudditu tiegħu.” (Indirizz fil-ftuħ tal-Moskea Baitul Futuħ ġewwa Morden, Surrey f’Ottubru 2003).

Fl-Iżlam, in-nisa jitqiesu li huma inferjuri għall-irġiel?

Kumpan tal-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu), darba saqsieh “Min hi dik il-persuna li l-iktar jixirqilha trattament tajjeb u kumpanija tajba mingħandi?” Il-Profeta wieġbu: “Ommok.” Il-kumpan imbagħad saqsieh, “U min warajha?” Il-Profeta wieġeb, “Ommok”. Il-kumpan imbagħad saqsa l-istess mistosija għat-tielet darba u li għaliha l-Profeta reġa’ ta l-istess tweġiba. Meta l-kumpan saqsa l-istess mistoqsija għal darb’ oħra, il-Profeta mbagħad qallu, “Missierek u mbagħad qraba oħra fil-qrib.” (Bukhari)

Din it-tweġiba waħedha hi biżżejjed biex tirrifjuta kull idea ħażina li n-nisa huma inferjuri għall-irġiel fl-Iżlam, u partikolarment turi kemm l-Iżlam jagħti importanza lir-rispett li għandha tingħata l-omm mingħand uliedha.

Skont l-Iżlam dawk kollha li jemmnu huma ndaqs u huma biss l-għemejjel it-tajba li jgħollu persuna ‘il fuq mill-oħra. Madankollu, l-Iżlam jirrikonoxxi wkoll li din l-ugwaljanza ma tfissirx li l-irġiel u n-nisa huma l-istess dwar il-ħiliet u r-rwol li jkollhom. Jitqiesu l-qawwiet tagħhom differenti kemm fiżiċi kif ukoll emozjonali u minħabba f’hekk jagħtihom ir-rwol tagħhom importanti fil-ħajja. Kull rwol ma jirriflettix superjorità jew inferjorità, iżda għandu x’jaqsam ma’ ħila naturali u funzjonament tajjeb. Per eżempju, l-irġiel ġew assenjati d-dmir li jaħdmu u jipprovdu lill-familja waqt li n-nisa ġew mogħtija r-rwol tal-omm u li jieħdu ħsieb id-dar. L-Iżlam jagħti lil dawn it-tnejn l-istess importanza u jenfasizza li dawn ir-rwol la human esklussivi u lanqas inflessibbli, jiġifieri, l-Iżlam ma jipprojbix lin-nisa milli jaħdmu jew milli jservu lis-soċjetà, lanqas ma jeħles lill-irġiel mill-parti tagħhom tar-responsabbiltà għal uliedhom, għad-dar u għall-familja.

Fl-Iżlam mara għandha d-dritt li tkun is-sidt individwali tà propjetà. Jekk tkun miżżewġa u tagħżel li taħdem, imbagħad il-flus li taqla’ jkunu tagħha u r-raġel m’għandu l-ebda dritt fuqhom, waqt li r-raġel irid jipprovdi finanzjarjament għall-familja kollha. Kull propjetà li mara takkwista bl-isforz tagħha biss, jew forsi wirtet jew irċeviet bħala legat jew rigal, hu tagħha indipendentement minn żewġha. L-Iżlam ukoll ta lin-nisa d-dritt tal-wirt u huma jirċievu s-sehem tagħhom kif inhu ordnat mix-Xarijah (il-Liġi Islamiċi). Din l-indipendenza ekonomika tan-nisa kienet stabbilita mill-Iżlam ħafna qabel drittijiet simili ngħataw lin-nisa fid-dinja moderna. Fir-Renju Unit, per eżempju, hu sew magħruf li mara miżżewġa ma setax ikollha propjetà tagħha sa l-1882 meta l-ewwel Married Women’s Property Act għadda mill-Parlament.

Il-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu), eżalta l-istatus intellettwali u spiritwali tan-nisa. Il-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu), kien jaf il-parti essenzjali li n-nisa kellhom jieħdu sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà, għalhekk hu għamel enfasi kbir fuq kif jittellgħu l-bniet billi qal:

“Raġel li għandu żweġt ibniet u jtellagħhom u jedukahom mill-aħjar li jista’ u jżewwiġhom għandu dritt għall-ġenna” (meta sema’ dan) wieħed saqsa: “O Profeta ta’ Alla, x’jiġri jekk ikollu tifla waħda?” Hu wieġeb “U (wkoll) waħda.” (Al-Moġam Al-Ausat)

X’inhu l-kastig għall-apostasija f’Iżlam?

Mhemmx kastig għall-apostasija fl-Iżlam. Barra minn hekk mhemmx eżempju wieħed ta’ x’kastig jingħata għall-apostasija mogħti mill-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu).

L-Iżlam jenfasizza l-libertà tar-reliġjon għal kulħadd, iħalli lill-bnedmin li jimxu fuq ir-reliġjon tal-għażla tagħhom. Dwar dan il-Koran Imqaddes jagħid:

“M’għandux ikun hemm sfurzar fir-reliġjon.”

(Kap.2 : Vers.257)

“Għalik ir-reliġjon tiegħek, għalija r-reliġjon tiegħi.”

(Kap.109 : Vers.7)

Il-libertà tar-reliġjon hi għalhekk prinċipju fundamentali fl-Iżlam u jagħmilha ċara li r-reliġjon hi ħaġa personali bejn il-bniedem u Alla. Il-bnedmin huma ħielsa biex jemmnu f’liema reliġjon iridu u li jibdlu t-twemmin tagħhom mingħajr ebda kastig mill-bniedem (il-Koran Imqaddes Kap.4 : Vers.138). Madankollu l-Iżlam ifakkarna li aħna rridu nagħtu kont tar-twemmin tagħna u l-azzjonijiet tagħna quddiem Alla.

X’inhu l-kastig għal min jidgħi fl-Iżlam?

M’hemmx kastig fl-Iżlam għal min jidgħi. L-ebda kastig ma jinstab fil-Koran Imqaddes, jew f’xi waħda mit-tradizzjonijiet tal-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu).

L-Iżlam jippromwovi rispett għar-reliġjonijiet kollha f’ġieħ il-paċi fis-so ċjetà u ma jsemmi l-ebda kastig għal min jidgħi minkejja l-fatt ta’ offiża li tista’ tweġġa’ lil dawk li jemmnu.

Dawk li mhumiex Musulmani jistgħu jidħlu ġewwa moskea?

Kulħadd jitħalla jidħol ġewwa moskea sakem hu nadif u liebes modestament. Il-bnedmin li jidħlu għandhom ineħħu ż-żraben tagħhom qabel jidħlu ġol-moskea u li jżommu l-moskea nadifa għaliex dawk li jkunu jagħtu qima jkunu jridu joqogħdu mal-art. Bnedmin ta’ kull twemmin huma wkoll imħollijin jitolbu ġewwa moskea sakemm ma jkunux qed jaduraw idoli. Eżempju tajjeb ta’ dan hu meta l-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka t’Alla jkunu miegħu), ħalla grupp ta’ Nsara biex jagħmlu servizz ta’ talb ġewwa l-moskea tiegħu ġewwa Madinah. (Żurkani)

X’jemmnu l-Musulmani dwar il-Profeti ta’ qabel u dwar l-Iskritturi?

Tnejn mis-sitt artikli ta’ fidi għal Musulman huma, li jemmen fil-Profeti ta’ Alla u li jemmen fl-Iskritturi Divini. Għalhekk il-Musulmani jemmnu li l-Profeti kollha ntbagħtu minn Alla u li l-Iskritturi fil-forma oriġinali tagħhom kienu rrivelati Divinament u li, fost ħwejjeġ oħra, għallmu l-unità assoluta ta’ Alla.

Skont il-Koran Imqaddes, Alla bagħat lill-Messaġġiera Tiegħu f’kull nazzjon, li jgħid:

“M’hemm l-ebda poplu li lilu wieħed li jwissi (Messaġġier) ma ntbagħatx.” (Kap.35 : Vers.25)

“U għal kull poplu hemm Messaġġier.” (Kap.10 : Vers.48)

Xi profeti jissemmew fil-Koran Imqaddes innifsu, bħal Adam, Abraħam, David, Salamun, Mosè, Ġesù u Muħammad (il-paċi fuqhom ilkoll). Profeti oħra (mhux imsemmijin fil-Koran Imqaddes b’isimhom) jinkludu Żoroaster, Krixna u Konfuċju (il-paċi fuqhom ilkoll) biex insemmu xi ftit.

Kif semmejna aktar ‘il fuq il-Musulmani mhux biss jemmnu fil-profeti ta’ qabel iżda wkoll fir-rivelazzjonijiet u l-iSkritturi mogħtija lill-profeti minn Alla. Fil-Koran Imqaddes innifsu, hemm riferenza għall-erba’ kotba rrivelati minbarra l-Koran Imqaddes. Dawn huma:

Suħuf:

L-iSkritturi ta’ Abraħam, il-paċi tkun fuqu, Kap.87 : Vers.20)

Fuq is-Suħuf ta’ Abraħam xejn ma nafu dwaru llum. Dawn l-iSkritturi probabilment qatt ma kienu rrekordjati bil-miktub.

Tauraat:

(It-Torah ta’ Mosè, il-paċi tkun fuqu, Kap.3 : Vers.4)

It-Tauraat fih l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja Ebrajka u fih il-Liġi kompleta għall-Iżraeliti. Dawn il-ħames kotba huma, il-Ġenesi, l-Eżodu, il-Levitiku, il-Ktieb tan-Numri u d-Dewteronomju. Flimkien dawn il-ħames kotba huma magħrufin bħala l-Pentatewku. It-Torah għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz tal-fomm u finalament irrekordjat bil-kitba xi mijiet ta’ snin wara Mosè (il-paċi tkun fuqu).

Żabur:

(Is-Salmi ta’ David, il-paċi tkun fuqu, Kap.4 : Vers.164)

Ftit nafu fuq Żabur illum jew fuq ir-rivelazzjonijiet tal-Profeta David (il-paċi tkun fuqu). Fil-Bibbja Ebrajka hemm ħafna salmi (għanijiet sagri u innijiet) attribwiti lil David (il-paċi tkun fuqu) li jistgħu jiffurmaw parti miż-Żabur.

Inġil:

(Il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, il-paċi tkun fuqu, Kap.5 : Vers.47)

L-Inġil jew il-Vanġelu kien irrivelat lill-Profeta Ġesù (il-paċi tkun fuqu) iżda ma kienx miktub matul ħajtu. Wara mewtu, saru attentati biex jirrekordjaw it-tagħlim tiegħu bil-Kitba. Mill-ħafna rakkonti, erbgħa ngħażlu mill-Knisja tal-bidu bħala rakkont uffiċjali tat-tagħlim ta’ Gesù (il-paċi tkun fuqu). Dawn l-erba’ verżjonijiet tal-vanġelu nafuhom illum bħala l-Evanġelji ta’ San Mattew, San Luqa, San Mark u San Ġwann. Madankollu hemm evanġelji oħra (li mhumiex inklużi fil-Bibbja) li wkoll fihom informazzjoni importanti dwar il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù (il-paċi tkun fuqu).

Minbarra l-Koran Imqaddes l-ebda wieħed mill-kotba rrivelati ma żamm il-forma oriġinali tiegħu.

Deskrizzjoni qasira tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam

Il-Komunità Aħmadija fl-Iżlam hi organizzazzjoni reliġjuża, b’fergħat f’aktar minn 195 pajjiż. Hi l-aktar denominazzjoni dinamika fl-Iżlam fl-istorja moderna; is-sħubija hi stmata li tlaħħaq il-mija u sebgħin miljun ruħ.

Ġiet imwaqqfa minn Ħażrat Mirża Gulam Aħmad (1835-1908) fl-1889 ġewwa raħal żgħir remot jismu Kadjan fil-Punġab, l-Indja. Hu afferma li hu r-riformatur mistenni tal-aħħar żminijiet u dak li hu mistenni li jiġi mill-komunità dinjija tar-reliġjonijiet (il-Maħdi u l-Messija tal-aħħar ġranet). Il-komunità li beda hi l-inkorporazzjoni tal-messaġġ benevolenti tal-Iżlam u l-purità oriġinali tiegħu li jippromwovi l-paċi u l-fraternità universali bbażata fuq twemmin f’Alla, Ħanin u li Dejjem Jaħfer.

B’din il-konvinzjoni, fi żmien seklu, il-Komunità Aħmadija fl-Iżlam kibrat globalment u taħdem biex tippratitika t-tagħlim tal-paċi tal-Iżlam billi tiġbor mijiet ta’ eluf ta’ Ewro għall-karitajiet, bini ta’ skejjel u sptarjiet miftuħin għal kulħadd u billi tinkoraġġixxi t-tagħlim permezz ta’ djalogu fost ir-reliġjonijiet.

Il-Komunità tar-Renju Unit twaqqfet fl-1913 u fl-1924 bniet l-ewwel moskea (ġewwa Putney). Hi għalhekk waħda mill-eqdem u l-iktar organizzazzjonijiet Musulmani stabbiliti fil-Gran Brittanja u għandha aktar minn 90 fergħa fil-Gran Brittanja.

“L-iktar komunità edukata, organizzata u ddixxiplinata fost il-komunitajiet Musulmani fil-Gran Brittanja.” (New Statesman – Awwissu 2006)

Imħabba għal kulħadd, mibegħda lejn ħadd

No comments:

Post a Comment