Monday, June 28, 2010

Aħmadija....komunità żgħira b’qalb kbira

Aħmadija....komunità żgħira b’qalb kbira

Komunità integrata li tgħin lill-batut

“Tmur biex tikri appartament u ssib li ma jridux jikrulek għax tkun Afrikan jew Musulman. Kien hemm min qalilna li ma ridx jikrilna appartament għax nispiċċaw nagħmluh moskea.”

“Fuq il-karozzi tal-linja u anke fit-toroq ikun hemm min jgħaddi kummenti razzisti. Ħdejn iċ-ċentru fejn noqogħdu u anke fuq il-punt tal-Marsa, kitbulna kemm il-darba ‘Blacks out’.

Immigrant Somalu qalilna li “diffiċli li tintegra ruħek f’Malta. Problema kbira biex issib xogħol. Kif tista’ tgħix mingħajr ma taħdem?”

Matul is-sena 2009, minn rapport maħruġ mill-European Network Against Racism (ENAR), irriżulta li kienu l-immigranti irregolari l-aktar involuti f’każi ta’ diskriminazzjoni li ġew rappurtati lill-awtoritajiet. Iżjed minn nofs l-immigranti irregolari li jgħixu f’pajjiżna jgħidu li kemm ilhom hawn esperjenzaw livelli għoljin ta’ trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom mill-Pulizija Maltija.

Imma l-integrazzjoni ta’ persuni Afrikani jew Musulmani tista’ sseħħ f’pajjiżna. Hawn diversi vuċijiet li qegħdin imexxu l-idea li l-integrazzjoni hi xi ħaġa impossibbli. Lil hinn minn dawn il-vuċijiet, jirriżulta li f’pajjiżna għandna komunitajiet ta’ persuni barranin, Afrikani u Musulmani, li integraw bi sħiħ fis-soċjetà tagħna. Qegħdin naraw ukoll li immigranti Afrikani, irnexxielhom jikru djar u bdew jgħixu fil-qalba tal-irħula u integraw sew maċ-ċittadini tal-post. Il-Komunità Aħmadija f’Malta hi waħda mill-komunitajiet li mhux biss ma tesperjenzax ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni, imma hi komunità integrata tant li anke torganizza attivitajiet biex tgħin lil dawk li huma fil-bżonn.

Qatt ma ffaċċjajna diskriminazzjoni

Laiq Ahmed Atif, li jmexxi l-komunità ta’ Aħmadija f’Malta, qalilna li: “Malta tirrispetta r-reliġjonijiet kollha u teżisti l-libertà sħiħa biex dak li jkun jipprattika r-reliġjon li jħaddan. Għall-grazzja t’Alla, sal-lum bħala komunità qatt ma esperjenzajna diskriminazzjoni jew razziżmu. Nitolbu u nittamaw li dan il-valur ta’ rispett jibqa’.”

“Irrid ngħid li sa issa ħadd mill-komunità tagħna ma esperjenza xi kummenti dispreġġjattivi. Kull post li mmur jien, jew xi ħadd mill-komunità tagħna, dan dejjem ikun milqugħ. Nintlaqgħu minn kulħadd ibda mill-politiċi sal-Arċisqof.”

Inħossu li għandna ngħinu biex inservu l-komunità

Lil Laiq Aħmed ma tistax ma tistaqsiehx x’inhi r-raġuni li għalkemm huma komunità żgħira, huma involuti ħafna f’dik li hi għajnuna lill-għaqdiet u gruppi vulnerabbli.

Jgħidilna li: “F’Malta għandna madwar 20 membru fil-komunità. Għandna ukoll tfal żgħar li bdew imorru l-iskejjel u ma ltaqgħux ma’ problemi. Irrid ngħid li aħna noffru ħafna għajnuna lill-komunità. Bħala A#madija nemmnu li s-servizz lill-umanità għandu jkun parti mit-twemmin tagħna. Bħala komunità aħna integrati ħafna fis-soċjetà Maltija. Nemmnu li l-valuri li nħaddnu aħna, għandhom ukoll ikunu integrati fis-soċjetà Maltija – fosthom il-valur għall-imħabba lejn Alla, l-imħabba u s-servizz lejn l-umanità, il-lealtà tagħna lejn pajjiż bħal Malta li laqagħna, il-valur tagħna għall-paċi u l-ubbidjenza tal-liġijiet u l-ġlieda tagħna għall-paċi u l-prosperità fis-soċjetà. Iċ-ċittadini Maltin, mill-mod kif naġixxu aħna, jistgħu faċilment jaraw li aħna ma nippossjedu l-ebda forma ta’problema għalihom. Nemmnu li meta tirrispetta, inti tirċievi r-rispett lura. Bħala komunità grati ħafna lejn Malta u lejn il-poplu Malti, għall-ħbiberija li wera magħna.

L-għajnuniet tal-Aħmadija lill-għaqdiet Maltin

Meta wieħed jara l-ħidma volontarja tal-komunità Aħmadija f’Malta, u dak li tat lura lis-soċjetà, wieħed jista’ faċilment jasal għall-konklużjoni li din hi komunità attiva ħafna u li bis-serjetà temmen li għandha tgħin b’kull mezz lil dawn inqas ixxurtjati.

Fl-aħħar sentejn ippreżentaw għadd ta’ għotijiet fosthom kienu €2,000 lill-Community Chest Fund, €1,000 lin-National Foster Care Association u anke marru jagħmlu xogħol ta’ karità fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, li fih hemm mijiet ta’ immigranti Afrikani li waslu Malta abbord dgħajjes mil-Libja. Fix-xogħol ta’ karità li wettqet il-komunità Aħmadija tqassmu pakketti ta’ ikel lil dawn ir-residenti. Fost dawk l-aktar li gawdew minn dawn l-għotijiet kienu l-familji.

Il-komunità tħoss li għandha tgħin anke lis-soċjetà Maltija b’mod inġenerali. B’dan il-ħsieb f’moħħhom ippreżentaw donazzjoni ta’ kotba lill-Librerija tal-Università fl-Imsida. Ippreżentaw ukoll għotja ta’ €1,000 lid-Dar tal-Providenza, għotja ta’ kotba lill-Kunsill lokali ta’ Ta’Xbiex u għotja ta’ €300 lil Vladislava Kravchenko biex tikkura lilha nnfisha fis-sinsla ta’ daharha bit-tama li terġa’ tibda timxi.

M’għandhomx post fejn jitolbu

Il-komunità Aħmadija f’Malta sa issa għad m’għandhiex post fejn titlob u tipprattika r-reliġjon tagħha. Laiq jgħidilna li: “sa issa f’Malta m’għandniex post speċjali fejn nitolbu. L-Iżlam jippermetti lill-Musulmani li jistgħu jitolbu kullimkien jiġifieri f’uffiċini, djar u postijiet oħra. Moskea hi l-aħjar post fejn titlob.”

Jippromwovu d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet

Il-komunità Aħmadija mhux biss hi involuta f’xogħol volontarju u għajnuniet, iżda taħdem biex tippromwovi d-djalogu intensiv u kontinwu bejn ir-reliġjonijiet differenti.

Fil-fatt din il-komunità ħadet l-inkarigu biex torganizazza konferenza bejn ir-reliġjonijiet. Din saret għax jemmnu li d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti hu ingredjent importanti biex jippromwovu l-paċi u l-armonija fis-soċjetà. Għan ieħor ta’ din il-konferenza hu dik li tinqasam informazzjoni u esperjenzi dwar ix-xogħol u l-ħajja ta’ personalitajiet li taw kontribut deċiżiv fl-istorja tar-reliġjonijiet. Interessanti hu l-fatt li l-komunità Aħmadija torganizza regolarment “Il-Jum tal-Fundaturi tar-Reliġjojijiet”.

Sfortunatament il-komunità Aħmadija, sofriet minn persekuzzjonijiet f’xi pajjiżi, fosthom fil-Pakistan. Fit-28 ta’ Mejju żewġ moskej li jintużaw mill-Aħmadija f’Lahore, fil-Pakistan, kienu l-mira ta’ terroristi. Dakinhar mietu 88 persuna u weġġgħu 125. Dawn l-attakki huma parti minn sensiela ta’ attakki li seħħew fl-aħħar snin. Fl-1974 kienet għaddiet leġiżlazzjoni li ddikjarat li l-membri tal-Aħmadija mhumiex Musulmani.

Il-komunità Aħmadija fl-Iżlam hi organizazzjoni reliġjuża, b’fergħat f’aktar minn 195 pajjiż. Hi l-aktar denominazzjoni dinamika fl-Iżlam fl-istorja moderna; is-sħubija hi stmata li tlaħħaq il-mija u sebgħin miljun persuna.

Twaqqfet minn Ħażrat Mirża Gulam Aħmad fl-1889, f’raħal żgħir u remot jismu Kadjan, fil-Punġab, fl-Indja. Hu afferma li hu r-riformatur mistenni tal-aħħar żminijiet u dak li hu mistenni li jiġi mill-komunità dinjija tar-reliġjonijiet. Il-komunità li beda hi l-inkorporazzjoi tal-messaġġ benevolenti tal-Iżlam u l-purità oriġinali tiegħu li jippromwovi l-paċi u l-fraternità universali mibnija fuq twemmin f’Alla, Ħanin u li Dejjem Jaħfer.

Musulmani u Kattoliċi jgħixu flimkien

Il-Komunità Aħmadija hi eżempju ċar ta’ kif Kattoliċi u Musulmani jistgħu faċilment jgħixu flimkien, jgħinu lil xulxin u fuq kollox jiltaqgħu bejniethom biex jiddiskutu r-reliġjonijiet tagħhom, kif itejbu d-djalogu u jifhmu aktar lil xulxin.

Eżempju ċar ieħor ta’ immigranti Kattoliċi u Musulmani jgħixu flimkien – u li għalhekk iwaqqa’ għal kollox id-dikjarazzjoijiet ta’ dawk li jgħidu li dawn ma jistgħux jgħixu flimkien, hu dak li qed jiġri fil-Laboratorju tal-Paċi, immexxi min Patri Dijonisju Mintoff. Fil-Laboratorju tal-Paċi tara immigranti li huma Musulmani u Kattoliċi jitolbu fil-postijiet rispettivi tagħhom ftit metri biss bogħod minn xulxin. F’ċerti okkażjonijiet anke jieħdu sehem fl-attivitajiet reliġjużi ta’ xulxin. Ftit tal-ġimgħat spikkat is-solidarjetà bejniethom meta wieħed minn sħabhom tatu puplesija u kienu jmorru jarawh b’mod regolari l-isptar u jitolbu għalih flimkien.

victorvella2002@yahoo.com

It-Torċa : 27 ta’ Ġunju 2010.

No comments:

Post a Comment