Sunday, June 6, 2010

L-Iżlam – Perspettiva Ġdida

Il-Mexxej tal-Komunità Aħmadija jagħti

“il-Premju għall-Paċi” lil Lord Eric Avebury

http://www.youtube.com/mtaOnline1#p/u/124/FAR_xGsaK0Y

L-Iżlam –

Perspettiva Ġdida


Lealtà

Ħelsien

Ugwaljanza

Rispett

Paċi

Sa mill-bidu tagħha fl-1889, il-Komunità Aħmadija fl-Iżlam ilha tmexxi sforz globali biex tarġa’ tqajjem mill-ġdid il-messaġġ veru u ta’ paċi tal-Iżlam kif mgħallem mill-Profeta Qaddis Muħammad (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu).

Dan il-qawmien tat-tagħlim veru Iżlamiku nbeda mill-fundatur tal-komunità, Ħażrat Mirża Gulam Aħmad (il-paċi tkun miegħu) li qal:

“Il-missjoni li għaliha jien ġejt inkarigat hi li nneħħi dik il-qasma li qed tikber fir-relazzjoni bejn Alla u l-ħolqien Tiegħu u li nissostitwiha bir-relazzjoni ta’ mħabba u sinċerità, u billi nħalli l-verità turi lilha nnifisha bid-dieher, tgħin biex jieqfu l-gwerer reliġjużi u n-nuqqas ta’ armonija u b’hekk tqiegħed il-pedament għall-paċi.”

Hu sostna taħt it-tmexxija Divina li hu l-Messija Mwiegħed u l-Imam Maħdi (Gwida), li l-wasla tiegħu kienet mistennija għal dan iż-żmien.

B’dan ix-xewqa għall-paċi, il-komunità tagħna kibret sew u issa stabbilixxiet ruħha f’aktar minn 195 pajjiż b’160 miljun membru u fl-Ewropa aħna waħda mill-eqdem organizzazzjonijiet Musulmani.

Il-Mexxej spiritwali tagħna tal-lum (Kalif) jibqa’ leali lejn il-paċi u jfakkarna li:

“L-Iżlam jgħallimna li dejjem inkunu konxji lejn Alla li hu l-Ħallieq tagħna u li dejjem inżommu l-memorja Tiegħu friska f’qalbna u li nħarsu lejn il-ħolqien Tiegħu b’imħabba, affezzjoni, armonija u tolleranza.”

Fl-Ewropa l-komunità tagħna tkompli tiġbor mijiet ta’ eluf ta’ ewro għall-foqra fl-Ewropa – dan l-isforz żgħir hu parti żgħira tad-dmir tagħna li nservu l-umanità.

Bħala Aħmadin fl-Iżlam, aħna nemmnu li rridu nirrispettaw dawn il-valuri fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u dawn jgħinuna nrabbu sens ta’ unità, koeżjoni, armonija u paċi fid-dinja kollha.

“.....Irrid ngħid li kull Aħmadi li jgħix fil-Gran Brittanja (u f’kull pajjiż ieħor madwar id-dinja) hu ċittadin estremament leali tal-pajjiż u jħobb lil pajjiżu; u dan grazzi għat-tagħlim tal-Profeta tagħna [Muħammad] (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) li għallimna li l-imħabba lejn pajjiżu hi parti integrali tal-fidi tiegħu.”

(Indirizz mogħti fil-House of Commons, f’Ottubru 2008 minn Ħażrat Mirża Masroor Aħmad – il-Kap dinji tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam).

Xi Prinċipji Essenzjali Iżlamiċi

Fidi f’Alla Wieħed

Il-Profeti kollha u r-reliġjonijiet kollha ntbagħtu mill-istess għajn – l-Alla Wieħed li hu l-Ħallieq ta’ kollox u li jkompli jikkommunika mal-bniedem. Fl-Għarbi jissejjah Allah iżda nużaw liema terminu nużaw fir-reliġjonijiet diversi, skont l-Iżlam huma kollha jirreferu lejn l-istess Alla Wieħed.

Fidi fil-Profeti kollha

Allah bagħat il-profeti Tiegħu biex jigwidaw il-bnedmin lejH u biex joħolqu paċi qalb il-bnedmin. L-Iżlam jitlob lill-Musulmani li jemmnu fil-profeti kollha mingħajr eċċezzjoni u li jirreferu għalihom b’rispett u ġieħ.

Twemmin fit-tagħlim kollu Divin

Ir-reliġjonijiet kollha Divini kienu veri fil-bidu tagħhom. Madankollu, matul iż-żminijiet it-tagħlim tagħhom ittiekel jew intesa, iżda Alla kompla jibgħat profeti biex jigwidaw lill-bnedmin lejH.

M’hemmx sfurzar fir-reliġjon

Kulħadd hu ħieles li jemmen, jipprattika, jgħallem jew isegwi kwalunkwe fidi tal-għażla tiegħu / tagħha.

Drittijiet ugwali għal kulħadd

Irġiel, nisa u bnedmin ta’ kull razza huma ugwali quddiem Alla. Huma biss l-azzjonijiet moralment tajba li jelevaw bniedem ‘il fuq mill-ieħor u din l-opportunità li wieħed ikun itjeb mill-ieħor hi mifuħa għal kulħadd.

Protezzjoni tal-qdusija tal-ħajja

L-Iżlam jenfasizza l-qdusija tal-ħajja u bla tlaqliq iwarrab il-vjolenza u t-terroriżmu f’kull forma tagħhom (inklużi dawk li jikkommetu suwiċidju billi jisplodu lilhom infushom) u għal kull raġuni oħra. Il-Musulmani kollha għandhom jippromwovu l-paċi f’kull livell u jaħarbu l-mibegħda u n-nuqqas ta’ armonija.

Il-Motto tagħna hu:

Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd

Aħna nservu l-umanità f’diversi modi inklużi firxa kbira ta’ attivitajiet li jipprovdu għajnuna f’diżastri, faċilitajiet mediċi, enerġija, edukazzjoni u programmi madwar id-dinja biex wieħed jgħin lilu nnifsu.

L-enfasi tal-Kalif fuq il-paċi u t-tolleranza tikkuntrasta sew ma’ dawk ir-radikali ħorox li jidhru fl-aħbarijiet fuq il-gazzetti. (The Times (ta’ Londra), Ġunju 2008)

Il-Komunità Aħmadija fl-Iżlam: Storja ta’ Għaqda u Paċi

Għal aktar minn mitt sena l-komunità Aħmadija Musulmana irnexxielha tmexxi qawmien paċifiku fl-Iżlam. Minn meta twaqqfet fl-Indja fl-1889 gawdiet rekord li m’hawnx bħalu għall-paċi u għall-isforzi biex tibni soċjetajiet magħquda.

Din il-komunità ilha stabbilita fir-Renju Unit mill-1913, u bnejna l-ewwel moskea fl-1926 (il-Moskea ta’ Londra f’Putney, tidher in-naħa ta’ fuq fuq il-lemin). Issa aħna għandna mitt fergħa mifruxa tul il-Gran Brittanja u ftaħna numru ta’ moskej inkluża l-moskea ta’ Baitul Futuħ fin-nofsinhar ta’ Londra, li hi l-ikbar fl-Ewropa tal-Punent.

Bħala komunità li taħdem għal edukazzjoni, integrazzjoni u paċi bejn ir-reliġjonijiet aħna nagħtu merħba lil kulħadd li jżur il-moskej tagħna kif ukoll li jattendi seminars u okkażjonijiet oħra li jressqu l-bnedmin ma’ xulxin biex jifhmu aktar lil xulxin.

Aħna mpenjati wkoll li ngħinu lill-oħrajn, niġbdu l-attenzjoni ta’ komunitajiet lokali u naħdmu għall-ġid komuni. Dwar dan għandna storja twila ta’ ġbir ta’ eluf ta’ mijiet ta’ ewro għall-karità fl-Ewropa.

Inġeddu l-Valuri Iżlamiċi Veri

Aħna nemmnu li l-Iżlam, li ġie mwaqqaf aktar minn l,400 sena ilu mill-Profeta Muħammad (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) hu reliġjon universali ta’ paċi, b’messaġġ sempliċi imma perfett għall-bnedmin biex jiżiluppa u jżomm relazzjoni ħajja ma’ Alla l-ħaj u biex il-bnedmin jgħixu f’armonija perfetta ma’ kulħadd.

Il-messaġġ kien imġedded mill-fundatur tal-Komunità tagħna, Ħażrat Mirża Gulam Aħmad (il-paċi tkun miegħu) u aħna l-unika komunità ta’ Musulmani li aċċettajnieh bħala l-Messija Mwiegħed u l-Maħdi li kien ipprofetizzat għal dan iż-żmien.

Mill-bidunett hu ripetutament enfasizzja l-bżonn li aħna nagħrfu d-dmir tagħna lejn Alla u l-ħolqien Tiegħu u biex nirriflettu l-impenn tagħna għall-paċi tul ħajjitna ta’ kuljum. Hu warrab il-kunċett ta’ ġiħad vjolenti, fakkarna fl-ugwaljanza fost il-bnedmin u d-dmir tagħna biex nieħdu ħsieb dawk li huma fil-bżonn. Hu wkoll enfasizza l-bżonn li nirrispettaw ir-reliġjonijiet kollha, biex inħarsu l-liġi tal-pajjiż u biex inkunu leali lejn il-gvern tal-pajjiż li fih ngħixu.

B’din ix-xewqa li nippromwovu l-paċi din il-komunità minn dak iż-żmien iffjorixxiet u issa hi moviment dinamiku globali stabbilit f’aktar minn 195 pajjiż.

Komunità waħda, Mexxej wieħed

Sa mill-mewt tal-fundatur tagħna fl-1908 aħna ġejna mmexxija minn serje ta’ Kalifi jew Mexxejja Spiritwali; il-mexxej preżenti hu l-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad; din il-forma ta’ tmexxija globali hi karatteristika distintiva oħra ta’ din il-komunità.

Hu jkompli jwassal il-messaġġ ta’ paċi sal-irkejjen tad-dinja, messaġġ li kien u qed jiġi rifless f’azzjoni mill-komunità bl-isforzi umanitarji mill-irġiel, min-nisa u miż-żgħażagħ tal-komunità.

Fil-fatt il-membri tal-komunità volontarjament jagħtu żmien u flus bħala għajnuna soċjali wkoll fl-ibgħad partijiet tad-dinja, biex jgħinu dawk fil-bżonn mingħajr ma jagħtu kas ta’ twemmin jew kulur.

Ftuħ u Trasparenza

Il-moskej u ċ-ċentri tagħna huma miftuħa għal kulħadd, biex iwaqqgħu l-barrieri u nibnu fiduċja, integrazzjoni u koeżjoni billi nagħmluha aktar possibbli biex kulħadd jifhem it-twemmin Iżlamiku u postu fil-ħajja tal-lum.

Aħna norganizzaw laggħat dwar il-paċi regolarment u nxandru ‘satellite channel MTA International’ li jidher fuq Sky 787’ b’xejn. Dan hu ddedikat għall-firxa t’armonija bejn il-popli mingħajr ma nħarsu lejn twemmin u l-ambjent ta’ ħajja soċjali, u b’hekk nenfasizzaw il-fatt li aħna mifuħin għal kulħadd bħala komunità li tippromwovi l-integrazzjoni bbażata fuq rispett reċiproku.

Aħna m’aħniex ipprovduti bi flus minn xi pajjiż, gvern jew organizzazzjoni. Hu t-twemmin tagħna li biex nagħmlu għemejjel tajba hu meħtieġ mingħandna li nagħmlu sagrifiċċji ta’ ħin u ta’ flus u hu għalhekk li l-komunità Aħmadija Musulmana tiffinanzja lilha nnifisha kompletament. Il-membri jikkontribwixxu volontarjament biex jissappportjaw ix-xogħol tal-komunità kif ukoll jiffinanzjaw numru ta’ attivitajiet umanitarji u ta’ karità li aħna nagħmlu – kważi kollox isir bil-għajnuna tal-voluntieri.

Fl-essenza tagħha “Imħabba għal kulħadd, Mibegħda għal ħadd” hi l-istendard uniku li jżomm il-Komunità Aħmadija Musulmana u l-messaġġ li nemmnu hu l-bażi ta’ paċi dejjiema.

Premju għall-Paċi

Ta’ kull sena l-komunità tagħna qed tagħti premju għall-paċi li dik il-persuna fid-dinja li tiġi vvutata mill-membri tal-komunità bħala dik il-persuna li l-aktar tkun ħadmet għall-paċi.

Dan il-premju ta’ £10,000 flimkien ma’ trofew ta’ apprezzament jista’ jingħata lil dik il-persuna fid-dinja li tkun ħadmet għall-paċi mingħajr ma nħarsu lejn twemmin, kulur jew nazzjon. L-ewwel premju ngħata lil Lord Eric Avebury, mill-Ingilterra u li ħadem ħafna għall-paċi u d-drittijiet umani.

Dak juri l-imħabba tal-komunità lejn il-paċi u l-imħabba.

watch the video:

http://www.youtube.com/mtaOnline1#p/u/124/FAR_xGsaK0Y

Fl-Għajnejn ta’ Mexxejja dinjija

1- “Membri tal-Komunità Aħmadija Musulmana huma magħrufin madwar id-dinja għad-dedika tagħhom għall-paċi, għall-fraternità universali u għar-Rieda t’Alla, il-prinċipju ċentrali tal-Iżlam veru. L-Aħmadin huma wkoll magħrufin għax-xogħol tagħhom biex jagħtu servizz itjeb billi jagħtu għajnuniet soċjali u jagħmlu iniżjattivi edukattivi kif ukoll proġetti kbar. Kulfejn jgħixu l-Aħmadin fid-dinja, huma magħrufin għall-parteċipazzjoni entużjasta fis-sehem tagħhom fil-komunità ikbar.” (Rt. Hon Stephen Harper, Prim Ministru tal-Kanada)

2-“Kollha kemm aħna nammiraw immensament ix-xogħol tal-Komunità Aħmadija hawnhekk fir-Renju Unit kif nagħmlu wkoll madwar id-dinja.”

(Rt. Hon. Jack Straw MP – Ministru tal-Ġustizzja)

3- “Jien impressjonat bil-kbir u grat għas-sapport li intom ipprovdejtu lill-karitajiet fir-Renju Unit.”

“Hu wkoll unur kbir li naqsam magħkom ix-xogħol li inti u l-kollegi tiegħek qed tagħmlu biex tippromwovu l-paċi u l-armonija kemm hawnhekk kif ukoll madwar id-dinja. Hu pjaċir għalija li żort din il-moskea partikolari. M’hemmx dubju li mill-inawgurazzjoni tagħha mill-2003 saret bini prominenti importanti kif ukoll ċentru importanti għat-twemmin u għad-djalogu. Membri tat-twemmin tagħkom jagħmlu xogħol importanti umanitarju madwar id-dinja u hawn fir-Renju Unit. Jien impressjonat ħafna u grat għas-sapport li intom qed tipprovdu għall-karitajiet fir-Renju Unit.” (Chris Grayling MP – Shadow Home Secretary)

4- “Jien nemmen li l-Komunità Aħmadija għandha rwol immens importanti li twasslu l-valuri ta’ paċi, tolleranza u fehim lid-dinja. U jien naħseb li aħna fortunati immensament li aħna għandna l-kwartieri ta’ dak it-twemmin hawn ġewwa Londra u ħafna minna matul is-snin ibbenefikajna mill-għerf u l-parir intelliġenti li aħna rċevejna mingħandkom u li intom dejjem lesti li toffru. Aħna nirringrazzjaw il-komunità kollha għall-kontribuzzjoni eċċellenti li huma għamlu biex jagħnu s-soċjetajiet tagħna.” (Lord Eric Avebury)

5- “L-enfasi fuq il-paċi u t-tolleranza tal-Kalif jispikka f’kuntrast qawwi ma’ dawk ir-radikali li joħolqu inkwiet fis-soċjetà u li jidhru fil-gazzetti. Għal moviment li l-motto tiegħu hu “Imħabba għal kulħadd, Mibegħda għal ħadd”, velenu bħal tar-radikali jaħsdek.”

“Fil-Gran Brittanja, il-komunità ipproduċiet numru sabiħ ta’ nies professjonali. Fil-Pakistan, minkejja d-diskriminazzjoni, l-Aħmadi Musulmani irnexxielhom jilħqu l-ogħla postijiet fis-Servizz Ċivili u fl-Armata. Huma attivi fix-xogħol ta’ karità – skejjel u bjar għall-Afrika, għajnuna għall-vittmi ta’ diżastri mill-Pakistan sa New Orleans, u donazzjonijiet għall-kawżi internazzjonali, minn Save the Children għall-Great Ormond Street Hospital. L-aktar kwalità importanti li tkun Aħmadi Musulmani, il-mexxej spiritwali tagħhom jissuġġerixxi, hu relattivament sempliċi. “Dan hu dwar l-onestà”, hu jgħid “Li tħobb il-paċi. Xogħol iebes. U tkun ġenwin mal-Ħallieq.” (The Times UK, Ġunju 2008)

No comments:

Post a Comment