Sunday, June 6, 2010

L-Assoċjazzjoni Aħmadija Musulmana


L-Assoċjazzjoni Aħmadija Musulmana


“Imħabba Għal Kulħadd

Mibegħda Għal Ħadd”

Il-Komunità Aħmadija Musulmana hija Organizzazzjoni reliġjuża internazzjonali b’fergħat f’aktar minn 193 pajjiż, imferrxa madwar l-Afrika, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika ta’ Isfel, l-Asja, l-Awstralja u l-Ewropa. Din hija denominazzjoni moderna, b’membri internazzjonali li jgħoddu l-miljuni.

Il-Komunità Aħmadija ġiet stabbilita fl-1889 minn Ħażrat Mirża Gulam Aħmad (1835-1908), f’villaġġ żgħir u remot, Kadjan, fil-Punġab, l-Indja. Huwa ddikjara li kien ir-riformatur ta’ żminijietna, il-Mistenni tal-Komunità dinjija tar-reliġjonijiet (il-Messija u l-Maħdi[i]).

Din il-Komunità li waqqaf hija magħmula mill-messaġġ benevolenti tal-Iżlam – paċi, fraternità universali u dedikazzjoni għar-Rieda t’Alla – fil-forma purissima tagħha.

Ħażrat Mirża Gulam Aħmad ipproklama l-Iżlam bħala r-reliġjon tal-bniedem: ‘’Ir-reliġjon tal-bnedmin tat-triq it-tajba’’ (Il-Koran Imqaddes: 98:6)

B’din il-konvinzjoni, f’temp ta’ seklu, il-Komunità Aħmadija nfirxet madwar id-dinja kollha. Kull fejn ġiet stabbilita din l-Ordni, fittxet li toħloq influwenza kostruttiva tal-Iżlam permezz ta’ proġetti soċjali, istituti edukattivi, servizzi tas-saħħa, pubblikazzjoniet Iżlamiċi u bini ta’ Moskej (li huma l-postijiet ta’ mħabba u paċi), minkejja l-persekuzzjoni ħarxa f’ċerti pajjiżi.

Il-Musulmani Aħmadi[ii] kisbu r-reputazzjoni ta’ nies li jħarsu l-liġijiet, li jridu l-paċi u li għalhekk huma komunità benevolenti.

Il-Komunità Aħmadija fl-Iżlam kienet maħluqa permezz ta’ interċezzjoni divina bl-għan li jagħtu l-ħajja lill-morali Iżlamiċi u l-valuri spiritwali. Hija tinkoraġġixxi d-djalogu bejn reliġjonijiet differenti, filwaqt li tiddefendi l-Iżlam u tipprova tikkoreġi l-miżinterpretazzjonijiet li jeżistu dwar dan it-twemmin.

Hija tħaddan il-prinċipji tal-paċi, tat-tolleranza, tal-imħabba u r-rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Hija żżomm sod u taġixxi fuq it-tagħlim Koraniku. “Mhemmx sfurzar fir-reliġijon.” (Il-Koran Imqaddes: 2:257)

Hija tikkundanna bil-qawwi l-vjolenza u t-terroriżmu ta’ kull għamla jew raġuni.

Din il-Komunità toffri preżentazzjoni ċara tal-għarfien Iżlamiku, il-filosofija, il-moralità u l-ispiritwalità skont kif jippriedka l-Koran Imqaddes u l-prattika (Sunnah) tal-Profeta Qaddis tal-Iżlam Muħammad, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu. Il-Komunità Aħmadija temmen u tipprattika l-motto tagħha;

“Imħabba Għal Kulħadd

Mibegħda Għal Ħadd”

Xi Musulmani Aħmadi, bħal Sir Muħammad Żafrullah Khan (li serva bħala l-ewwel ministru tal-affarijiet barranin tal-Pakistan; President tas-17-il Assemblea Ġenerali tal-U.N.O; president u mħallef tal-Qorti internazzjonali tal-Ġustizzja f’Hague), u Dr. Abdus Salam (li ġie ppremjat bil-premju Nobel fil-Fiżika fl-1979), ukoll ġew rikonoxxuti mill-komunità dinjija għas-servizzi u s-suċċessi tagħhom.

Kull Aħmadi li jgħix fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, huwa ċittadin leali tassew ta’ dak il-pajjiż u jħobbu. L-imħabba u l-lealtà lejn pajjiż hija parti integrali fil-fidi ta’ kull Musulman.

Ħażrat Mirża Gulam Aħmad Kadjani (1835-1908),

Il-Fundatur tal-Ordni Aħmadija,

Il-Messija Mwiegħed u Imam Maħdi (Il-Gwida)

Ħażrat Mirża Gulam Aħmad, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, twieled minn familja nobbli fl-1835 f’Kadjan, villaġġ żgħir fid-distrett ta’ Punġab, fl-Indja.

Studja l-lingwa Persjana u l-Għarbi minn għalliema differenti, tgħallem xi ħwejjeġ fuq il-mediċina minn xi kotba u minn missieru li kien tabib kapaċi ħafna. Mal-imħabba lejn l-istudju, Ħażrat Mirża Gulam Aħmad, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, kien devot ħafna u jagħti qima kbira lil Alla u kien iħobb jgħaddi ż-żmien tiegħu fit-talb u s-supplikazzjoni. Minn età żgħira rċieva r-rivelazzjoni minn Alla kif ukoll viżjonijiet u ħolm li seħħew tassew.

Fl-1868/1869 irċieva r-rivelazzjoni:

“Alla tiegħek ferħan ħafna bix-xogħol li inti għamilt. Hu se jbierkek, għalhekk ir-rejiet se jfittxu l-barka mill-ħwejjeġ tiegħek”

It-tixrid tar-rivelazzjoni u l-viżjoni komplew u fl-1882 irċieva r-rivelazzjoni li wriet biċ-ċar il-pjan ta’ Alla; li hu, Ħażrat Mirża Gulam Aħmad, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, kien se jsir nominat minn Alla biex iservi l-kawża tiegħU. Parti mir-rivelazzjoni li rċieva kienet:

“O Aħmad, Alla bierkek.....

Għid, jiena ordnat biex niggwida d-dinja għat-triq tal-onestà u jiena l-ewwel li nemmen.....

L-għajnuna se tiġi mill-irġiel li qalbhom hija ppreparata skont ir-rivelazzjoni minn Alla nnifsu.”

Fl-1889 huwa stabbilixxa l-Komunità Aħmadija Musulmana taħt il-gwida divina u beda l-missjoni tiegħu biex jerġa’ jqajjem l-Iżlam. Hu ddikjara li kien il-Messija Mwiegħed u l-Maħdi (il-Gwida). Hu ma ġabx leġislazzjoni ġdida, imma ppreżenta l-Iżlam skont il-Koran Imqaddes u kif il-Profeta Muħammad, il-Paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu ipprattikah; mingħajr ebda alterazzjonijiet li kienu saru matul iż-żminijiet. Spejga li l-Iżlam huwa r-reliġjon tal-paċi u l-imħabba.

Il-Messija Mwiegħed kiteb aktar minn 84 ktieb, li huma mimlija b’għerf divin, spiritwali u importanti, għandhom it-tagħlim morali wkoll. Hu wkoll għamel ħafna taħditiet fuq aspetti differenti.

Il-Messija Mwiegħed, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, miet fis-26 ta’ Mejju tal-1908. Indifen f’Baħixti Maqbara Kadjan.

Il-Kalifi – Is-Suċċessuri

Wara l-mewt tal-Fundatur, il-Komunità Aħmadija kienet immexxija mis-suċċessuri eletti tiegħu – Kalifi. L-ewwel Kalif kien Ħażrat Maulvi Noor-ud-Din u hu mexxa l-Komunità mill-1908 sal-1914. Fl-1914 Ħażrat Mirża Bashir-ud-Din Maħmud Aħmad kien elett bħala t-tieni Kalif, fejn mexxa l-Komunità għal 51 sena sa’ mewtu fl-1965. Warajh Ħażrat Mirża Nasir Aħmad mexxa għal 17-il sena. Fl-1982 Ħażrat Mirża Taħir Aħmad ġie elett bħala r-raba’ Kalif. Issa, il-Komunità Aħmadija għaddejja fiż-żmien sabiħ tal-ħames Kalif, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, li ġie elett fl-2003. It-titlu uffiċjali tiegħu huwa ‘’Khalifa tul Massih V’’. Hu jżomm il-Komunità Aħmadija dinjija magħquda bħala Komunità waħda.

Il-Ħajja tal-Ħames Kalif tal-Messija,

Ħażrat Mirża Masroor Aħmad

Saħibżada[iii] Mirża Masroor Aħmad, il-ħames Kalif tal-Messija twieled fil-15 ta’ Settembru tal-1950 f’Rabwah, il-Pakistan; fil-kwartieri tal-Komunità Aħmadija Musulmana. Huwa iben Ħażrat Mirża Mansoor Aħmad u Ħażrat Nasira Begam. Bużnannuh kien il-Fundatur tal-Ordni Aħmadija Musulmana, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, minn Kadjan, il-Messija, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu. Studja fl-iskola Ogħla ‘Taleem-ul-Iżlam Rabwah’ il-Kulleġġ Rabwah, fil-Pakistan. Fl-1976 għamel Masters fl-Agrikultura Ekonomika ġewwa l-Università tal-Agrikultura f’Faisalabad, fil-Pakistan.

Iżżewweġ fil-31 ta’ Jannar tal-1977 lil Syeda Amtul Sabuħ. Għandhom tifla jisimha Amtul Waris Fateħ u tifel jismu Mirża Waqas Aħmad, li joqogħdu Londra, l-Ingilterra.

Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, meta kellu sbatax–il sena sar Musi[iv] (jiġifieri għamel ftehim għall-Wassijat jew it-testment, taħt il-programm li nbeda mill-Messija Mwiegħed, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, fejn beda jagħti 1/10 mill-qligħ u l-propjetajiet tiegħu għall-ħidma tal-Iżlam.)

Fl-1977 huwa ddedika ħajtu għall-ħidma tal-Iżlam u Ħażrat Mirża Nasir Aħmad, it-tielet Kalif tal-Messija bagħtu fil-Gana fejn ħadem fl-Iskola Sekondarja Aħmadija Salaga u fl-Iskola Sekondarja Aħmadija Essarkyir.

Mirża Masroor Aħmad laħaq direttur tar-razzett agrikolu tal-Aħmadija f’Depali, fil-Gana. L-akbar suċċess tiegħu ġewwa l-Gana kien li rnexxielu jkabbar il-qamħ għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-pajjiż. Dan serva bħala kontribuzzjoni kbira għall-ekonomija tal-Gana.

Fl-1985 mar lura l-Pakistan u fis-17 ta’ Marzu tal-1985 laħaq bħala Wakilul Maal II, (Direttur tad-Dipartiment tal-Finanzi). Fit-18 ta’ Ġunju tal-1994, ġie mogħti l-kariga ta’ Nażir Ta’leem (Direttur tal-Edukazzjoni) tal-Ordni Aħmadija.

Fl-10 ta’ Diċembru tal-1997 imbagħad ġie mlaħħaq bħala Nażir A’la (Kap Eżekuttiv) tas-Sadr Anġuman Aħmadija Pakistana, u Amir Mukami (il-President Nazzjonali) tal-Ordni Aħmadija Pakistana. Huwa dam f’dawn il-pożizzjonijiet sakemm ġie elett Kalif (Suċċesur). Fi-22 ta’ April tal-2003 fil-11.40 ta’ filgħaxija l-ħin tal-Londra , Saħibżada Mirża Masroor Aħmad kien elett bħala “Khalifa-tul-Massih V” (il-Ħames Suċċessur tal-Messija Mwiegħed). Il-Kalif joqgħod Londra, l-Ingilterra.

It-Taħdita Storika tal-Mexxej

tal-Ordni Aħmadija Musulmana

Il-Mexxej tal-Ordni Aħmadija Musulmana għamel dit-taħdita storika fil-Parlament tal-Ingilterra f’Ottubru tal-2008.

F’din il-ġrajja storika fil-Parlament Ingliż, il-Mexxej tal-Ordni Aħmadija Ħażrat Mirża Masroor Aħmad kien mistieden mill-Onorevoli Justine Greening MP biex jagħmel taħdita għall-membri għolja tal-Gvern, membri tal-Parlament u Ambaxxaturi.

Aktar minn 30 membru parlamentari kienu preżenti; fosthom kien hemm l-Onorevoli Hazel Blears MP, is-segretarja tal-istat għall-komunitajiet u l-Gvern lokali; Dominic Grieve MP, Shadow home Secretary u Simon Huges MP, il-President tad-Demokratiċi Liberali.

Il-Mexxej tal-Komunità Aħmadija spjega l-importanza tal-paċi u r-rispett fil-komunitajiet tagħna u qal:

Jekk Alla Jrid, l-Aħmadija Khilafat dejjem tkun magħrufa bħala dik li tkun fuq quddiem nett biex tmexxi l-kawża għall-paċi u għall-armonija fid-dinja, kif ukoll li tkun leali lejn il-pajjiż fejn il-membri tagħha jkunu joqogħdu....

Hu l-biża’ tiegħi li meta nħarsu lejn id-direzzjoni li fiha mexjin l-affarijiet illum, id-dinamika politika u ekonomika tal-pajjiżi tad-dinja tista’ tressaqna lejn gwerra dinjija. Mhux biss il-pajjiżi foqra tad-dinja, iżda wkoll il-pajjiżi sinjuri li qed jiġu affetwati. Għalhekk, hu d-dmir tas-superpotenzi li joqogħdu bil-qiegħda u jsibu soluzzjoni biex isalvaw l-umanità mix-xifer tad-diżastru.....

Illum, hemm taqlib kbir u nuqqas ta’ kwiet fid-dinja. Qegħdin naraw gwerer fuq skala żgħira jqumu, waqt li f’xi postijiet is-superpotenzi qed jgħidu li qed jippruvaw iġbu l-paċi. Jekk dak kollu li hu meħtieġ mill-ġustizzja ma jintlaħaqx, in-nirien u l-fjami ta’ dawn il-gwerer lokali jistgħu jiskalaw u jinvolvu d-dinja kollha. Għalhekk, hi t-talba umli tiegħi lilkom biex issalvaw id-dinja mill-qerda!

Issa, jien fil-qosor sejjer insemmi dak it-tagħlim tal-Iżlam biex ikun hawn il-paċi fid-dinja, jew kif il-paċi tista’ tiġi stabbilita fid-dinja fid-dawl ta’ dan it-tagħlim. Hija t-talba tiegħi li biex noħolqu l-paċi fid-dinja dawk li qed jiġu ndirizzati l-ewwel, jiġifieri l-Misilmin, ikunu jistgħu jattwawhom, iżda hu d-dmir tal-pajjiżi kollha tad-dinja – superpotenzi jew gvernijiet li jattwawhom.....

F’dan iż-żmien meta d-dinja litteralment inxtorbot biex saret raħal globali f’mod li qatt ħadd ma kien immaġina qabel, għandna nirrealizzaw ir-responsabbiltajiet tagħna bħala bnedmin u għandna nippruvaw nitfgħu l-attenzjoni tagħna biex insolvu dawk l-argumenti importanti għad-diskussjoni fuq id-Drittijiet Umani li jistgħu jgħinu jistabbilixxu paċi fid-dinja. B’mod ċar, dan it-tentattiv għandu jkun ibbażat fuq trattament ugwali għal kulħadd bla diskriminazzjoni u li jattwaw il-ħtiġijiet kollha tal-ġustizzja....

Fost il-problemi tal-lum, spikkat problema waħda, jekk mhux direttament indirettament, minħabba r-reliġjon. Xi gruppi tal-Misilmin qed jagħmlu attakki illegali u jużaw nies li jikkommettu attakki suwiċidali billi jisplodu biex joqtlu u jweġġgħu lil dawk li mhumiex Musulmani, inklużi suldati u nies ċivili innoċenti u fl-istess ħin joqtlu brutalment Musulmani innoċenti u tfal. Dan l-att krudil hu totalment inaċċettabbli għall-Iżlam....

Illum, meta d-dinja qed tiġi maqsuma fi blokki, l-estremiżmu qed jiżdied, u s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika qed teħżien, hemm ħtieġa urġenti biex inwaqqfu kull xorta ta’ mibegħda u nqiegħdu l-pedamenti tal-paċi. Dan jista’ jsir biss billi nirrispettaw kull xorta ta’ sentimenti ta’ xulxin. Jekk dan mhux se jsir sewwa, bl-onestà u bil-virtù jikber f’ċirkustanzi li ma tikkontrollahomx. Napprezza li pajjiżi tal-Punent ekonomikament sodi ippermettew ġenerożament in-nies ta’ pajjiżi foqra u sotto-żviluppati biex jissetiljaw fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u fost dawn hemm Musulmani wkoll.....

Ġustizzja vera teħtieġ li s-sentimenti u l-prattiċi reliġjużi ta’ dawn in-nies għandhom jiġu onorati wkoll. Dan hu l-mod li bih il-paċi tal-moħħ u tan-nies ikunu jistgħu jibqgħu intatti. Għandna niftakru li meta l-paċi tal-moħħ tal-bniedem tiġi ddisturbata, imbagħad il-paċi tal-moħħ tas-soċjetà tkun affettwata wkoll.....

Alla li jista’ kollox jibgħat il-messaġġiera Tiegħu lin-nies biex huma jkunu jistgħu juruhom il-mod li jressqu lin-nies aktar qrib Alla. Fl-istess ħin Alla jgħid li hemm ħelsien totali f’dak li jirrigwarda l-fidi. Skont it-twemmin tagħna, il-premju u l-kastig ikunu wkoll wara l-mewt. Iżda taħt is-sistema mwaqqfa minn Alla, meta xi ħadd jikkommetti krudeltà kontra l-ħolqien Tiegħu u l-ġustizzja u l-mod ġust jiġu njorati, imbagħad bil-liġijiet tan-natura, l-effetti li jiġu wara jkunu jidhru f’din id-dinja wkoll. Reazzjonijiet ħorox kontra inġustizzja bħal din ikunu jidhru u ma jkunx hemm garanzija dwar jekk ir-reazzjoni tkunx tajba jew ħażina.....

Issa nispiċċa dawn il-punti qosra tat-tagħlim tagħna billi nfakkar li l-paċi vera tad-dinja tinstab biss billi nduru lejn Alla. J’Alla Alla jagħmel possibbli li d-dinja tifhem dan il-punt u mbagħad il-bnedmin ikunu jistgħu jaqdu d-dmir lejn id-drittijiet tal-oħrajn.

Humanity First – (L-Umanità L-Ewwel)

Humanity first hi għaqda nongovernattiva, nonpolitika, nonsettarja, internazzjonali, sostnuta bil-karitajiet u reġistrata f’25 pajjiż. Ilha taħdem fuq proġetti għall-iżvilupp tal-umanità; ħadmet fejn kien hemm diżastri, fosthom terremoti fit-Turkija, fil-Pakistan, fil-Ġappun u l-Iran; fejn seħħew għargħar fl-Afrika u l-Amerika t’isfel; wara maltempati u tsunamis fl-Istati Uniti, l-Indoneżja u l-Bangladexx; fejn kien hemm gwerer fl-Ewropa tal-Lvant u ilha tagħti l-appoġġ tagħha sa mill-1992. Aktar minn 93% tal-fondi li jinġabru f’isem l-organizzazzjoni jmorru għal proġetti umanitarji. Humanity first titmexxa minn voluntiera. Aktar tagħrif jista’ jinstab fuq is-sit elettroniku: http://humanityfirst.org/

MTA – It-Televiżjoni Internazzjonali

L-MTA (Muslim Television Ahmadiyya) ġie stabbilit fl-1992 bi skop li jagħti alternattiva pożittiva fil-midja tad-dinja. Huwa invenzjoni tar-raba’ suċċessur tal-Komunità Aħmadija, Ħażrat Mirża Taħir Aħmad, il-barka tkun fuqu, u mill-bidu tiegħu, l-MTA kien il-mezz uniku f’aspetti diversi. Jiffoka l-aktar fuq il-produzzjoni ta’ programmi li huma interessanti għal nies ta’ kull età, f’kull żmien.

L-MTA mhux dipendenti fuq reklami kummerċjali, imma madankollu jippermetti li jpproduċi varjetajiet ta’ programmi fosthom aħbarijiet internazzjonali, sports, xjenza, mediċina, terapiji alternattivi, tagħlim ta’ lingwi differenti, programmi għat-tfal, dokumentarji, vjaġġar u reliġjon.

Huwa wkoll stazzjon uniku għaliex ixandar f’għadd ta’ lingwi differenti tad-dinja fosthom l-Għarbi, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Tork, is-Swaħili, l-Ispanjol, l-Urdu u oħrajn.

Il-Konvenzjoni Annwali

Fis-27 ta’ Diċembru tal-1891, laqgħa tal-Komunità Aħmadija tal-Iżlam kienet organizzata f’Kadjan, l-Indja u 75 persuna pparteċipew fiha. Il-Konferenza kienet suċċess kbir, u l-Fundatur tal-Komunità Aħmadija fl-Iżlam Ħażrat Mirża Gulam Aħmad – il-Messija Mwiegħed, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, ħabbar li din il-laqgħa kellha tibqa’ tiġi organizzata kull sena u ddum tlett ijiem.

Il-Konvenzjoni hija ġrajja kbira għall-Komunità u organizzata fi żminijiet differenti, għal tlett ijiem f’pajjiżi differenti fid-dinja.

L-għan ta’ dawn il-laqgħat hu li tingħata ħarsa lura lejn ix-xogħol tas-sena li tkun għaddiet u dak li jkun jibbenefika mid-diskussjonijiet u t-taħditiet li jsiru minn diversi skulari u mill-Kalif fuq suġġetti differenti bħal Alla, l-Iżlam, l-Aħmadija, it-tagħlim tar-reliġjonijiet differenti, l-ekonomija, il-problemi soċjali u l-politika u r-rimedji tagħhom.

Il-membri tal-Komunità jiġu minn kull parti tad-dinja għal dawn il-laqgħat. Eluf ta’ nies jipparteċipaw fihom. Numru kbir ta’ mistednin ma jkunux membri tal-Komunità. Xi mistednin onorati u mistednin distinti oħra li wkoll mhumiex Musulmani jagħtu taħdita.


[i] Il-Gwida

[ii] Il-persuna tal-Ordni Aħmadija

[iii] Sinjur

[iv] Ir-raġel li jagħti 1/10 mill-qligħ u l-propjetajiet tiegħu għall-ħidma tal-Iżlam.

No comments:

Post a Comment