Sunday, April 17, 2011

Eżempju eċċelenti lill-mexxejja tan-nies


Il-mexxej il-veru tan-nies huwa dak li dejjem lest biex iservihom. Nemmen li kull mexxej li huwa verament jaħseb li hu l-mexxej tal-poplu tiegħu, huwa importanti li dejjem ikun lest biex iservi l-poplu tiegħu, u dejjem jaħdem għall-interess komuni u qatt ma jaħseb għall-interess personali u tal-qraba tiegħu meta jieħu d-deċiżjonijiet.

Kull persuna u kull mexxej li jmexxi n-nies, il-pajjiż, il-familja, eċċ, se jwieġeb quddiem Alla dwar dak kollu li għamel fil-ħajja tiegħu bħala l-mexxej jew ir-ragħaj. Il-mexxej tal-pajjiż se jwieġeb dwar l-għemejjel u d-deċiżjonijiet li ħa, il-mexxej tal-familja se jwieġeb dwar l-affarijiet tal-familja, il-mexxej reliġjuż se jwieġeb dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu, l-għalliem għandu jwieġeb dwar ix-xogħol tiegħu. Fil-qosor kull persuna li għandha r-responsabbiltajiet għandha twieġeb quddiem Alla f’Jum il-Ħaqq.

L-istess meta nħarsu lejn il-mexxejja politiċi nindunaw li dawn għandhom responsabbiltajiet kbar fuq spallejhom. Dan huwa d-dmir u d-dover tagħhom biex jaraw kif jgħixu n-nies tagħhom; għandhomx xi problema; għandhomx il-bżonn ta’ xi ħaġa.

Dan huwa kkunsidrat essenzjali ħafna; li dawk li għandhom l-awtorità se jkunu l-iktar sensittivi għall-kawża tal-poplu biex ma jkunx hemm il-bżonn għal xi għamla ta’ gruppi ta’ pressjoni – gruppi ta’ nies organizzati li għandhom saħħa kbira biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika bil-propaganda.

Mill-aħħar ftit xhur nistgħu naraw li hemm xi pajjiżi (fil-parti l-kbira Musulmani), li huma mdaħħla fi problemi kbar. Irrid nikteb storja waħda li għandha messaġġ ċar u qawwi għal dawk il-pajjiżi Musulmani u l-mexxejja tagħhom fejn in-nies qegħdin ibatu mill-problemi kbar u jsofru minn uġigħ kbir minnħabba s-sitwazzjoni ħarxa f’pajjiżhom:

Darba waħda Umar, it-Tieni Kalif tal-Iżlam, kien għaddej minn triq qrib il-belt ta’ Medina bil-lejl. Din kienet id-drawwa tiegħu biex jimxi fit-toroq billejl biex jara b’għajnejh is-sitwazzjoni tan-nies li kienu taħt il-ħakma u s-saltna tiegħu. Meta kien għaddej mit-triq sema’ minn dar il-biki tat-tfal li dehru muġugħin. Hu ħabbat il-bieb u meta l-mara tad-dar fetħet ra li kien hemm tlett itfal li qegħdin madwar in-nar u fuq in-nar kien hemm kitla tagħli. Hu staqsa x’ġara? Għaliex it-tfal kienu qed jibku? U x’kienet qed issajjar? Hi qalet: “It-tfal tiegħi kienu bil-ġuħ u ma kellix biex nagħtihom x’jieklu. F’din il-kitla hemm l-ilma u xi ġebliet biss, u għamilt dan biex nagħtihom l-impressjoni li jiena qed insajjar xi ħaġa għalihom. Dan huwa dak li qed tara.”

B’uġigħ kbir u diqa ta’ qalb, Umar immedjatament reġa’ lura u mar dritt lejn il-kamra tal-gvern fejn kien hemm affarijiet tal-ikel. Hu ġabar xi dqiq, butir, laħam, tamal u xi affarijiet oħra u poġġa kollox fi xkora. U qal lill-gwardjan li kien hemm ħdejh għall-għajnuna biex jerfa’ l-ixkora fuq spalltu. Il-gwardjan baqa’ skantat u qal: “Għaliex qed iġġorrha fuq dahrek? Jiena nista’ nġorrhielek fejn trid.”

Umar wieġeb: “Bla dubju tista’ ġġorr dan il-piż għalija llum, però min se jġorrli l-piż u t-tagħbija tiegħi f’Jum il-Ħaqq?” Jiġifieri li f’Jum il-Ħaqq, il-gwardjan ma jkunx jista’ jwieġeb f’isem Umar li kif hu (Umar) qeda r-responsabbiltajiet tiegħu. Hu kellu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu huwa stess. Dan ukoll kien minħabba li kien jixtieq jgħin lil dik il-familja li kienet għaddejja minn dan il-perjodu diffiċli. Hu ħass, fil-fatt, li l-pajjiż kollu u dak kollu li jikkonċernah kienu r-responsabbiltà tiegħu u dan kien dmiru biex jaqdih hu nnifsu.

Umar mar lura bl-ikel kollu u tahom lil dik il-mara, u qalilha li meta jkollha bżonn ta’ xi ħaġa tmur għandu. L-għada filgħodu beda wkoll għajnuna finanzjarja għal din il-familja, biex jgħixu aħjar u b’dinjità.

Dan huwa eżempju ċar u tajjeb għal dawk li huma fil-gvern. Dan huwa d-dmir ta’ kull mexxej biex jara kif jgħix il-poplu tiegħu u x’għandu bżonn. Jekk kull mexxej jaħdem b’din il-viżjoni, jien ċert li nistgħu nbiddlu d-dinja kollha u nistgħu neliminaw il-faqar mill-univers kollu.

Nifhem li dan huwa impossibbli għall-kap ta’ kull gvern biex fiżikament jikkopja dak li għamel Umar, imma kemm bl-ispirtu u bl-attitudni hemm eżempju eċċellenti. Importanti li dan l-ispirtu jkun segwit kullimkien. Jekk il-gvernijiet isiru sensittivi għall-kawża u t-tbatija tal-poplu, allura, anke qabel il-poplu jibda biex isemma’ l-leħen muġugħ u s-sens ta’ deprivazzjoni, dawk fl-awotorità jkunu obbligati biex jieħdu miżuri rimedjali u meħtieġa, mhux minħabba l-vuċi tal-poplu deprivat, iżda mill-vuċi urġenti tal-kuxjenza tagħhom stess.

Imma, sfortunatament, naraw li hemm mexxejja li joqtlu n-nies tagħhom, jużaw il-forzi kontra l-poplu tagħhom u jipprattikaw il-vjolenza fuq in-nies li jgħixu taħt il-ħakma u s-saltna tagħhom.

Nappella lil dawk il-mex-xejja, li huma għandhom jiksbu lezzjoni minn dan l-eżempju nobbli u jagħmlu mill-aħjar li jistgħu għan-nies tagħhom; jagħtuhom dak li għandhom bżonn; jippruvaw jeliminaw il-problemi, l-uġigħ u t-tbatija tagħhom. Għax fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd huwa r-ragħaj u se jwieġeb quddiem Alla f’Jum il-Ħaqq. Dak li ma jintlaħaqx minn għajn il-bniedem, jintlaħaq dejjem minn għajn Alla.

Għal-iktar informazzjoni:

IT-TORĊA, 17.04.11: minn Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Malta

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11446

No comments:

Post a Comment