Sunday, September 23, 2012

Violence has no justification at all!


Wara l-ħruġ tal-film dwar il-Profeta Mohammed… Ir-reazzjoni vjolenti ta’ xi Musulmani hija insult ikbar minn dik provduta mill-film – Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta

minn joseph farrugia 

“Il-film dwar il-Profeta Muhammad huwa insult iżda hija insult ikbar ir-reazzjoni minn xi Musulmani biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar dan il-film. L-Iżlam tfisser paċi u fl-ebda ħin la l-Profeta Muhammad u lanqas il-Koran ma jappellaw għal din it-tip ta’ reazzjoni.”
Dan qalu Laiq Ahmed Atif, president tal-komunità Ahmadiyya f’Malta li hija fergħa mir-reliġjon Iżlamika. Il-film Amerikan dwar il-Profeta Muhammad, “The Innocence of Muslims”,  qajjem reazzjoni vjolenti fejn saħansitra  nqatel ambaxxatur Amerikan f’Benghazi fil-Libja. Iżda r-reazzjoni vjolenti nfirxet fl-Asja u fil-Lvant Nofsani, bl-ambaxxati Amerikani jkunu l-mira ewlenija.
Għall-Musulmani l-Profeta Muhammad huwa l-bażi tar-reliġjon Iżlamika. “Il-Profeta Muhammad huwa l-bażi tar-reliġjon tagħna għax kien mibgħut minn Alla bħala profeta biex imexxi l-messaġġ tiegħu. Il-Musulmani jemmnu fil-profeti u l-messaġġiera kollha li ntbagħtu minn Alla, inklużi Abraham, David, Mosè u Muhammad. U għall-Musulmani l-Profeta Muhammad huwa l-fundatur tal-Iżlam. Il-Koran huwa ġabra kompleta tal-messaġġi ta’ Alla kif żvelati lill-Profeta Muhammad permezz tal-Arkanġlu Gabriel.”
Din mhix l-ewwel darba li stqarrijiet jew filmati dwar il-Profeta Muhammad jew kontra l-Koran wasslu għal reazzjonijiet ta’ rabja u vjolenza fost il-komunità Iżlamika. Atif jgħid: “Fil-passat nafu x’ġara meta qassis ried jaħraq il-Koran jew fid-Danimarka meta tpinġiet karikatura dwar il-Profeta Muhammad. U din id-darba r-reazzjoni kienet l-istess. Irridu nammettu li l-film kien provokattiv u ried jumilja u jweġġa’ s-sentimenti tal-Musulmani u tar-reliġjon Iżlamika.
“Naħseb li l-intenzjonijiet tal-film kienu tlieta: Li jweġġa’ s-sentimenti tal-Musulmani; Li jipprovoka l-vjolenza u joħloq il-kunflitti fid-dinja u jagħmel ħsara lill-paċi tad-dinja; U biex jumilja lill-Profeta Muhammad u lill-persuni li jemmnu fit-tagħlim tiegħu.”
Mistoqsi allura jekk hemmx ħtieġa għal din it-tip ta’ reazzjoni kull meta jkun hemm xi ħaġa kontra l-Koran jew il-Profeta Muhammad, Atif mill-ewwel insista li ma jaqbilx mal-imġieba vjolenti.
Huwa qal: “Jekk il-film kien insult, il-vjolenza li qiegħda titwettaq bħala reazzjoni hija insult ikbar.Dak li qiegħed iseħħ huwa biss barbariżmu u la l-Profeta Muhammad u lanqas il-Koran ma jesiġu tagħlim ta’ dan it-tip.”
Huwa qal: “Il-Profeta Muhammad sofra attakki kontrieh u kien imżebblaħ ukoll iżda qatt ma uża l-vjolenza kontrihom u qatt ma pprotesta fit-toroq u qatt ma għamel ħsara lill-proprjetajiet pubbliċi jew privati. Qatt lanqas ma qatel lil xi ħadd minħabba insult jew umiljazzjoni. Barra minn hekk l-Iżlam jipproteġi l-ħajja umana għax jgħid: ‘Min joqtol bniedem… ikun bħallikieku qatel il-bnedmin kollha’.”
Ħafna jassoċjaw il-vjolenza Musulmana mal-Ġiħad, li għal ħafna tfisser gwerra qaddisa. Iżda Atif qal: “Ġiħad hija kelma Għarbija li tfisser tistinka biex tilħaq xi oġettiv partikolari. Il-Ġiħad jista’ jsir b’diversi modi iżda kollha biex jistabbilixxu u jippromwovu l-paċi fis-soċjetà. Il-Koran jenfasizza li l-Ġiħad isir bil-għaqal, bit-tolleranza u b‘rispett lejn l-oħrajn u t-twemmin tagħhom u jipprojbixxi l-użu tal-isfurzar fir-reliġjon. Il-Musulmani jistgħu jaqbdu l-armi biss biex jiddefendu lilhom infushom kontra moħqrija, theddid għal ħajjithom u persekuzzjoni għax ikunu pprattikaw ir-reliġjon tagħhom. Għalhekk l-iskop tal-Ġiħad huwa biex terġa’ tirrenja l-paċi.”
Mistoqsi dwar il-ħidma tal-komunità Ahmadiyya fir-reazzjoni għall-film dwar il-Profeta Muhammad, Atif qal: “Il-komunità Ahmadija tikkundanna dak kollu li sar mill-bidu. Nikkundannaw il-film għax kien provokattiv u bla bażi u nikkundannaw ir-reazzjoni vjolenti tal-Musulmani għax ma għandhom ebda dritt jattakkaw proprjetajiet u persuni oħrajn u wisq anqas joqtlu.”
Allura x’inhi l-ħidma tal-komunità Ahmadiyya f’dan kollu? Atif qal li l-komunità tiegħu taħdem ħafna għall-paċi u t-tolleranza u jwasslu l-messaġġ tagħhom billi jippriedkaw it-tagħlim tal-Profeta Mohammed fejn qatt ma ppromwova l-vjolenza. “Il-motto tal-komunità tagħna huwa  ‘Imħabba għal kulħadd u mibgħeda għal ħadd’. Dan billi kull Ahmadi fi kwalunkwe pajjiż ikun ċittadin tassew leali ta’ dak il-pajjiż, juri rispett lejn id-diversità, jirrispetta l-ugwaljanza u jippromwovi l-paċi. Fi żmien meta ċerti forzi huma involuti biex jagħmlu ħsara kbira lill-paċi tad-dinja, u meta qed iseħħu ċerti  konfrontazzjonijiet bla bżonn bħal fil-każ tal-film u l-ħitan tal-mibgħeda u l-intolleranza qegħdin jinbnew, l-oġġettiv tal-istabbilizzazzjoni għall-paċi u l-imħabba hija dejjem iktar importanti.
“Nemmen li ħruq ta’ bnadar, qtil jew attakki mhumiex aċċettabbli biex jipprotestaw u l-Iżlam estremament jiskoraġġixxi xi mġiba negattiva bħal din. U aħna bil-qawwa nikkundannaw xi reazzjoni bħal din li toħloq diżordni u timmina l-paċi tad-dinja. Din ir-reazzjoni ma tagħmilx ġieħ lill-Profeta Muhammad li huwa kompletament kontra t-tagħlim u l-prattiċi tiegħu.
“Il-komunità Ahmadiyya qatt ma użat vjolenza, imma r-reazzjoni tagħna kienet ta’ paċi u paċenzja. Nemmnu li bil-paċenzja u t-talb nuru lid-dinja l-karattru veru tal-Profeta Muhammad, li kien kien ħanin mal-popli kollha u favur il-paċi.”
Atif appella: “Nappellaw għal reċiproku dwar l-unur u d-dinjità u biex ikun stabbilit il-veru sens ta’ rispett u ġieħ għall-profeti u l-fundaturi tar-reliġjonijiet kollha.”
Il-komunità Ahmadiyya fl-Iżlam hija organizzazzjoni reliġjuża, b’fergħat aktar minn 202 pajjiżi mferrxin madwar l-Afrika, l-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika t’Isfel, l-Asja, l-Awstralja u l-Ewropa. 
Twaqqfet minn Ħażrat Mirża Gulam Ahmad fl-1889, f’raħal żgħir u remot jismu Kadjan fil-Punġab, fl-Indja. Il-komunità li beda hi l-inkorporazzjoni tal-messaġġ benevolenti tal-Iżlam u l-purità oriġinali tiegħu li jippromwovi l-paċi u l-fraternità universali mibnija fuq twemmin f’Alla, Ħanin u li Dejjem Jaħfer. Din il-komunità hija denominazzjoni moderna, b’membri internazzjonali li jgħoddu l-miljuni.

No comments:

Post a Comment