Illum, il-Ħadd 6 ta’ Frar 2011
Kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu, u kull persuna fid-dinja irrispettivament il-kulur, ir-razza, in-nazzjonalità u l-fidi, iħobb il-libertà u d-dinjità umana tagħha. Huwa importanti li l-kunċett tal-umanità u r-rispett għal-libertà individwali jiġi msaħħaħ. Pero, meta nħarsu lejn l-istorja tal-bniedem insibu li dejjem kien hemm il-konflitti għall-libertà bejn dawk li jixtiequ jgħixu fil-libertà kollha u bejn dawk li ma jridux jirrispettaw il-libertà umana. Naraw ukoll li kulħadd iħobb u jixtieq id-dinjità u r-rispett għalih innifsu, imma hemm numru ta’ nies mhux ħażin li m’humiex lesti biex jirrispettaw id-dinjità tal-oħrajn.
Din il-problema tidher ukoll bejn in-nisa u l-irġiel; il-persuni li huma miżżewġin. Hemm nies li jemmnu li l-mara hija l-propjetà tar-raġel, jew jemmnu li r-raġel huwa superjuri għall-mara. Imma, fil-verità, l-irġiel, in-nisa u l-bnedmin kollha ta’ kull razza huma ndaqs quddiem Alla u huma biss l-għemejjel tajba li jgħollu persuna ’l fuq minn oħra, u m’hemmx spazju għall-esplojtazzjoni soċjali, politika, ekonomika jew reliġjuża.
U naraw kemm hemm nuqqas kbir ta’ rispett u ta’ toleranza bejniethom u minħabba dan, kull sena naraw li ħafna nisa jiġu maqtula, jew jiġu abbużati u jgħaddu minn esperjenzi koroh ta’ vjolenza domestika, madwar id-dinja. Il-vjolenza domestika hija problema serja ħafna madwar id-dinja, hija tikser id-drijttijiet fundamentali tal-mara. L-istatistiċi juru li waħda minn kull tliet nisa fid-dinja esperjenzat abbuż sesswali, fiżiku, emozzjonali jew xi forma ta’ abbuż ieħor fil-ħajja tagħha.
Ħafna drabi nisimgħu l-frażi li “ladies first – in-nisa l-ewwel”, din hija frażi sabiħa, imma kemm hemm nies li jipprattikaw din f’ħajjithom. Sfortunatament, u din hija r-realtà u ma nistgħux naħarbu minnha, kemm-il darba naraw u nisimgħu kif din ma tiġix prattikata, fejn in-nisa jiġu ttratti fl-aħħar u xi kultant b’insult.
Ħafna drabi aħna ninsew l-importanza tar-rispett lejn in-nisa. Nemmen li dan hu dmir tal-irġiel biex jittrattaw lin-nisa tagħhom mill-aħjar li jistgħu u jgħixu magħhom bit-tjieba. U ma jinsewx li, jekk jobogħduhom, jistgħu jkunu qed jobogħdu xi ħaġa li Alla qiegħed fiha ġid kbir. U wkoll ma jinsewx li jekk ma jogħġobhomx xi ħaġa fihom, possibbilment hemm affraijiet minn tagħhom li jogħġbuhom. Għalhekk huwa importanti li dejjem naraw il-kwalitajiet tajba bejnietna.
Nemmen ukoll li n-nisa jistħoqilhom rispett kbir, għax il-mara hija l-omm, il-mara hija l-bint, il-mara hija l-oħt kif ukoll mart ir-raġel. Kull relazzjoni hija tant sabiħa u ta’ rispett kbir.
Nemmen ħafna u jien ċert li jekk kull wieħed u kull waħda minna jipprova jgħix bil-valuri t-tajba, nistgħu nistabbilxxu relazzjonijiet sodi bejn il-mara u r-raġel. U kif ngħidu: ‘dak li tiżra taħsad’, jekk niżrgħu ż-żrieragħ tal-imħabba u nistabbilixxu l-bond tar-rispett u tat-toleranza bejn il-mara u r-raġel, allura nistgħu neliminaw il-vjolenza domestika.
No comments:
Post a Comment