Meta nħarsu lejn l-istorja tal-umanità nsibu li l-bnedmin dejjem kienu fit-tiftixa tal-paċi li tibqa’ għal dejjem. Il-bnedmin kellhom għatx kbir għall-paċi. Fil-qosor, il-paċi baqgħet maħbuba tan-nies ta’ kull età, f’kull żmien u ta’ kull pajjiż tad-dinja.
Aħna ngħixu f’dinja ta’ kompetizzjoni u ta’ għira. Ngħixu f’dinja fejn inċertezzi li qed jikbru kuljum iħassbuna dwar l-istat ta’ paċi fid-dinja. Nemmen, u jien konvint tassew, li dan huwa messaġġ universali, tkun liema tkun ir-reliġjon, ir-razza, in-nazzjonalità jew il-kulur tiegħek.
Illum il-ġurnata s-suġġett tal-paċi u s-sigurtà huwa importanti daqs kemm kien mijiet u eluf ta’ snin ilu. F’dan iż-żmien meta l-bniedem sar iktar ċiviliżat u rċieva ħafna barkiet ta’ Alla, għandna nkunu l-bnedmin tal-paċi. Imma, sfortunatament naraw li hemm ħafna demm tal-bnedmin li qed jixtered madwar id-dinja. Il-bniedem għandu l-għatx tad-demm ta’ ħuh. Hemm nies li qed joqtlu l-ġirien tagħhom, hemm nies li qed ixerrdu d-demm tan-nies ta’ pajjiżhom. Fil-qosor, hemm nuqqas kbir ta’ rispett u ta’ paċi fid-dinja.
Meta naqraw l-istorja tal-bniedem, naraw li sa mill-bidu tal-ħolqien il-bnedmin fuq l-art, Alla bagħat ħafna għalliema reliġjużi, profeti u messaġġiera Tiegħu għall-gwida tal-umanità. U kull wieħed minnhom li kien mibgħut minn Alla ġab il-messaġġ tal-paċi, tas-sigurtà, tal-armonija u tal-imħabba.
Dawn l-għalliema reliġjużi magħżulin minn Alla, li ntbagħtu mis-sema biex jirriformaw l-umanità u jistabbilixxu għaqda ma’ Alla – il-Ħallieq, dejjem ħadmu u talbu biex jagħmlu d-dinja kenn ta’ paċi u l-bnedmin isiru verament il-bnedmin tal-paċi; l-iktar li jħobbu lil Alla u l-iktar li jixtiequ l-paċi lill-oħrajn.
Il-Kotba Mqaddsa kollha għandhom il-messaġġ ċar tal-paċi u tal-imħabba. Fil-Bibbja Mqaddsa naqraw: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.” (San Mattew: 5:9-11)
Fil-Koran imqaddes Alla jgħid: “Alla jmexxi lejn it-toroq tal-paċi u tas-sliem lil dawk li jħabirku biex jogħġbu lilu, u bir-rieda Tiegħu joħroġhom mid-dlamijiet lejn id-dawl u jmexxihom lejn triq is-sewwa.” (5:17)
“Ma hemmx ġid f’ħafna konferenzi tagħhom, ħlief ta’ dak li jamar il-karità, jew l-għemil it-tajjeb, jew il-paċi bejn in-nies. Min jagħmel hekk, bix-xewqa li jogħġob lil Alla, se nagħtuh ħlas mill-kbar.” (4:115)
Dawn il-versi juru biċ-ċar li kemm hu sabiħ li naħdmu għall-paċi bejn in-nies, u nwasslu l-messaġġ ta’ paċi lil kulħadd. Dan huwa għemil tajjeb ħafna u għandu ħlas kbir mingħand Alla. Alla jħobb il-paċi, għalhekk jgħid li se jagħti ħlas kbir lil dawk li jħobbu u jipprattikaw il-paċi bejniethom.
Jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni tad-dinja nsibu li d-dinja għandha l-bżonn tal-paċi, tal-imħabba u tal-ħbiberija. Id-dinja trid it-tmiem tal-gwerer. Minflok il-ħitan tal-mibegħda għandna l-bżonn tal-pontijiet li jgħaqqdu, għandna bżonn li l-paċi tostor il-ħażen u dak kollu mnissel minnu, u għal dan biex isir, in-nies ta’ fidi, ta’ kulur, ta’ razza u ta’ nazzjonalità differenti għandhom jingħaqdu flimkien.
Jiena nemmen li aħna bħala bnedmin, jekk nixtiequ, nistgħu nistabbilixxu l-paċi f’soċjetajiet tagħna kif ukoll fid-dinja kollha. Ejjew naħdmu billejl u binhar sabiex nagħmlu d-dinja kenn ta’ paċi. Nemmen u jien konvint tassew li, flimkien kollox hu possibbli.
[Il-Mument: Il-Ħadd 21 ta' Novembru 2010]
No comments:
Post a Comment