Saturday, June 5, 2010

Il-Kunċett Veru tal-Ġiħad Iżlamiku

Il-Kunċett Veru tal-Ġiħad Iżlamiku

It-taħdita tal-Mexxej tal-Komunità Aħmadija, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, fit-23 ta’ Awwissu 2008, fil-Konvenzjoni Annwali tal-Komunità Aħmadija fil-Ġermanja. Lill-mistednin li ma kinux membri tal-Komunità.

Lill-għeżież mistiedna,

Assalamu alaikum warahmatullah wabarakatuhu

Il-Paċi u l-Barka ta’ Alla jkunu magħkom ilkoll

Amir Saħib, (il-President tal-Komunità fil-Ġermanja) qalli li ilkom bilqiegħda hawn għal din l-aħħar siegħa, u naħseb li intom għajjenin, imma s-suġġett li talabni nitkellem dwaru llum għandu jeħodli bejn 30 u 35 minuta, anke jekk fittixt li nqassru kemxejn. Fil-passat, ġew organizzati okkażjonijiet simili iżda sfortunatament ma stajtx nattendi.

Is-suġġett li Amir Saħib tagħna talabni niddiskuti jew ngħid kelmtejn dwaru huwa l-‘Ġiħad’, għaliex huwa t-topik li qiegħed iqanqal l-interess fid-dinja u kif b’konsegwenza t’hekk, id-dinja mhux Iżlamika temmen li l-Iżlam huwa r-reliġjon tal-estremiżmu u t-terrur.

Fil-fatt, xi nies jistqarru li minħabba t-terroriżmu, l-Iżlam qiegħed iħarbat il-paċi fid-dinja. Huwa ta’ sfortuna li hemm għadd ta’ nies li ma għandhomx ideat ċari biżżejjed tat-tagħlim Iżlamiku u qegħdin jixħtu l-ħatab fin-nar dejjem aktar; in-nar ta’ din l-idea żbaljata. Minħabba f’hekk, xi nies ta’ livell edukattiv għoli li mhumiex Musulmani għamlu konnessjoni bejn il-kunċett tal-ħajja wara l-mewt u l-ġenna u l-infern u l-Musulmani estremi, terroristi u s-suicide bombers (li jemmnu li hemm xi forma ta’ shortcut għall-ġenna għal nies bħalhom). Allura r-riżultat, ix-xewqa għall-mewt sabiex tinkiseb il-ħajja fil-ġenna, żvolġa f’kunċett stramb tal-Ġiħad u l-mewt f’isem Alla, li wassalhom jaqbdu s-sejf u joħolqu d-diżordni fid-dinja. Dawn il-gruppi, fil-verità huma prodott sekondarju ta’ dan il-kunċett u t-tagħlim.

Hu x’inhu l-każ, hekk kif nammetti li atti li saru minn ċerti Musulmani injoranti u entużjasti żżejjed mingħajr dubju taw impressjoni ħażina għal kollox tat-tagħlim Iżlamiku, għandi wkoll insemmi li l-kitbiet miktuba kontra l-Iżlam mingħajr it-tagħrif Iżlamiku meħtieġ, ippreżentaw l-istess kunċetti żbaljati tal-Ġiħad Iżlamiku.

Madankollu, jiena ser nipprova nippreżenta t-tagħlim veru tal-Iżlam kif spjegati mill-Fundatur tal-Ahmadiyya Muslim Community[1], Ħażrat Mirża Gulam Aħmad[2], li nemmnu li hu l-Messija Mwiegħed, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, skont l-għarfien tiegħu tal-Koran Imqaddes, it-tradizzjonijiet tal-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, u l-istorja tal-Iżlam.

Qabelxejn, jiena ser nispjega l-kunċett veru tal-Ġiħad, fi kliem il-Messija ta’ dan iż-żmien. Għaddew mitt sena minn mindu l-Fundatur tal-Komunità Aħmadija ħalliena.

Għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li l-Komunità Aħmadija, wara li tat tweġiba b’mod ġenwin u sabiħ għall-impressjonijiet żbaljati li ntqalu fuq is-suġġett f’dawn iż-żminijiet, issa qiegħda tippreżenta xi ħaġa ġdida. Għall-kuntrarju, dan huwa l-istess tagħlim misjub fil-Koran Imqaddes,

Il-Messija Mwiegħed (il-paċi ta’ Alla tkun miegħu) jistqarr:

‘‘It-tixrid tal-idea fost il-Musulmani li jattakkaw nies li jħaddnu reliġjonijiet oħra u li huma jsejħulha Ġiħad, mhijiex gwerra legali għaliex huwa ċar li qed tmur kontra l-kmandament ta’ Alla u l-Profeta Muħammad (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) u dan hu dnub kbir.’’[3]

Issa, araw, il-kliem ‘Ġiħad legali’ użati mill-Fundatur tal-Komunità Aħmadija, xi jfissru?

Sabiex nifhmu, fil-qosor irridu nħarsu lejn il-kundizzjonijiet eżistenti f’dik il-parti tal-Arabja fejn il-Fundatur tal-Iżlam, il-Profeta Mqaddes Muħammad (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) xandar il-missjoni Divina tiegħu u stieden in-nies għall-Iżlam.

Irridu niftakru li dawk in-nies kienu illitterati u mhux ċivilizzati. Il-mibegħda kienet titwieled minn sitwazzjonijiet redikoli u ta’ mingħajr importanza u huwa għalhekk li kienu jibqgħu joqtlu lil xulxin matul is-snin.

Meta l-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) afferma (li huwa l-Profeta ta’ Alla għax hekk ġie rivelat lilu) u stieden lill-Għarab jersqu lejn Alla wieħed li huwa l-Uniku Alla, l-intelliġenti fosthom, li ftit minnhom kienu qrabatu, nies fqar u lsiera, ħaddnu l-Iżlam. Meta dan il-moviment kiber, dawk minn Mekka li ma kinux jemmnu żiedu l-persekuzzjoni; il-krudiltà kibret tant li dawk li jemmnu kienu mġiegħla jimteddu fuq ir-ramel jikwi tal-Arabja, filwaqt li ġamar tal-ġebel kienu jitqiegħdu fuq sidirhom; kienu jissawtu; saqajhom u idejhom kienu jintrabtu ma’ żewġt iġmla li kienu jinsaqu f’direzzjonijiet opposti li mbagħad joftqu ġisimhom.

Il-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) u l-grupp ta’ nies li jemmnu li kellu miegħu ġew eżiljati f’wied; la ikel u lanqas ilma ma seta’ jingħatalhom. L-imsieħba tiegħu kienu jgħidu li la sejrin imutu xorta waħda, għaliex ma jmutux jiġġieldu? Wara kollox, dawn il-Musulmani wkoll evolvew minn fost dawk li kienu lesti li joqtlu u jxerrdu d-demm għall-aktar sitwazzjonijiet trivjali. Imma meta xi ħadd kien jgħid: “Agħtina l-permess niġġieldu”, il-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) kien jgħid li hu ma kienx ikkmandat biex jiġġieled, imma biex ikun paċenzjuż.

Din il-paċenzja ma kinitx sforz id-dgħufija; anzi, l-istorja aktar tard uriet li ftit mijiet ta’ nies li jemmnu rnexxielhom jegħlbu forza ta’ eluf. Din il-paċenzja kienet tidher biss minħabba li l-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) ma kienx ikkmandat minn Alla li jista’ kollox biex jiġġieled. Fl-aħħar, il-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) ħalla lil xi maħqurin sabiex jemigraw, u mbagħad, wara ftit taż-żmien, huwa wkoll emigra lejn Medina; sa dak iż-żmien kien hemm xi abitanti ta’ dik il-belt li kienu diġà saru Musulmani. Mal-wasla tiegħu, ammont imdaqqas ta’ nies ħaddnu l-Iżlam.

Il-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, ftiehem ma’ tribujiet u nies ta’ twemmin differenti, u fosthom kien hemm xi Lhud. Huwa stabbilixxa Stat fejn kulħadd kien mogħti l-libertà. Jekk xi ħadd kien ikkastigat għal xi reat, dak il-kastig kellu jingħata skont ir-reliġjon ta’ dak li jkun u skont il-ġurisprudenza personali. Madankollu, bħala membri tal-Istat, kulħadd kellu drittijiet ugwali.

F’okkażjoni waħda, minħabba ksur fi ftehim ta’ bejniethom, tribù Lhudi ġie mkeċċi. F’dak iż-żmien, kien hemm xi Musulmani ta’ Medina li aktar qabel kienu wiegħdu sa minn qabel it-twelid tat-tarbija li kien imiss, li jagħtuha lil-Lhud sabiex titrabba magħħom. Minħabba l-wegħda, issa li dawk l-ulied kellhom it-twemmin Lhudi, kienu fost dawk il-Lhud li tkeċċew. Il-Musulmani tal-lokal, aktar tard jew matul dak il-perjodu ppruvaw iżommu lura lil dawn it-tfal (milli jiġu mkeċċija), imma l-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, ma aċċettax u qal: “Mhemmx sfurzar fir-reliġjon”[4], għalhekk, ma tistgħux iżżommuhom (milli jitilqu). Dan jindika sa liema estrem mar sabiex jieħu ħsieb id-drittijiet tal-bnedmin.

Minkejja dan kollu, l-allegazzjonijiet miġjuba kontra l-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, huma, Alla ħares qatt, li ferrex it-terrur. Il-mistoqsija hi; meta hu magħruf li l-Musulmani kienu f’dawn ix-xorta ta’ kundizzjonijiet li ma setgħu jagħmlu xejn u kienu qegħdin jiġu abbużati b’mod krudili (imsemmija aktar ’il fuq), għaliex allegazzjoni bħal din kienet qiegħda ssir kontra l-Profeta u l-Musulmani?

Għadni kemm semmejt fil-qosor il-kundizzjonijiet li kienu jeżistu f’dik il-ħabta. Anke f’dawn il-kundizzjonijiet, meta l-Musulmani emigraw lejn Medina u bdew jgħixu relattivament fis-sliem, hawnhekk ukoll, in-nies ta’ Mekka, ippersegwitawhom, ġrew warajhom u attakkawhom. L-ewwel taqbida hija magħrufa bħala l-Battalja ta’ Badr. F’dak iż-żmien, il-Musulmani kienu f’kundizzjoni li la kellhom riżorsi u lanqas apparat għall-ġlied, filwaqt li kontrihom kien hemm armata ppreparata sewwa.

Dawn iċ-ċirkostanzi, mhuma moħbija minn ħadd u huma miktuba fl-istorja. X’setgħu jagħmlu dawk in-nies mhux imħarrġa u mingħajr esperjenza (waqt il-battalja)? Xi wħud minnhom kienu għadhom biss żgħażagħ.

Iżda, meta l-għedewwa riedu jxejnu ‘l-Musulmani, Alla li jista’ kollox tahom struzzjonijiet biex iwieġbu. Għalhekk, il-vers Koraniku kkwotat aktar ‘l isfel ġie rivelat u skont l-istoriċi, huwa l-ewwel kmandament li jitratta l-ġlied. Imma nistedinkom tħarsu lejn il-ġmiel (ta’ vers) u tifhmu l-għan wara l-permess li ngħata għall-ġlied; Alla jgħid;

“Dawk li huma attakkati ngħatalhom permess (li jiġġieldu biex jiddefendu rwieħhom), għaliex saret inġustizzja kontrihom. Alla tabilħaqq għandU s-Setgħa li jgħin lil dawk li tkeċċew minn djarhom inġustament għaliex stqarrew: “Sidna huwa Alla”; u li kieku Alla ma tefax lura xi nies bil-għajnuna ta’ nies oħra kieku tabilħaqq kienu jiġġarrfu kunventi (sħaħ) knejjes, sinagogi u moskej li fihom jissemma u jitfakkar ħafna l-Isem t’Alla. Tabilħaqq li Alla jgħin lil dak li jgħinU. Alla huwa tassew Qawwi, Setgħan.’’[5]

Alla jgħid li jekk il-permess ma ngħatax għad-difiża, kieku l-paċi tas-soċjetà kienet tiġi meqruda. Anke llum, kull min hu f’sensih, irrispettivament minn xi twemmin iħaddan, jgħid li dan ir-raġunar huwa tassew validu. Din id-deċiżjoni hija biżżejjed biex tiġġustifika:

  1. L-ewwel raġuni hija li jekk xi ħadd jiġi attakkat għandu d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu,

  1. It-tieni, jekk b’riżultat ta’ tirannija, xi poplu jkun sfurzat jemigra jew jiġi mkeċċi minn daru inġustament, u anke jekk ikun ippersegwitat u ma jħalluhx fil-kwiet ta’ pajjiżu, allura, huwa raġonevoli li jirritalja kontra l-inġurji kkawżati lilu,

  1. It-tielet, l-oppressuri ma jillimitawx lilhom infushom għall-ewwel vittmi biss; fil-fatt, ir-regħba tagħhom tkompli tiżdied. Mingħajr ma jagħtu kas x’reliġjon wieħed iħaddan, huma jippruvaw ijassru; jippruvaw jaħkmu bliet oħrajn, irħula u pajjiżi. Għalhekk, iżżejjed huwa żżejjed. Minħabba f’hekk, huwa importanti li jitneħħa l-ħażen minn għeruqu sabiex titwaqqaf din il-krudiltà fil-bidu tagħha.

Dan il-permess għall-ġlied, għalhekk, kien għall-protezzjoni u biex jassiguraw il-paċi. Imbagħad, jekk inħarsu lejn in-nies li magħhom intom awtorizzati tiġġieldu, Alla, li jista’ kollox, fil-Koran Imqaddes jgħid hekk;

“U ġġieldu f’isem Alla kontra dawk li jiġġieldu kontrikom, imma ma għandkomx tiksru l-kmandament. Żgur, Alla ma jħobbx lil dawk li ma josservawx il-kmandament tiegħU.” [6]

Hawnhekk jidher biċ-ċar li l-kmandament tal-Ġiħad kien biss kontra dawk li ġġieldu f’isem il-fidi u li riedu jikkonvertu l-ħaddieħor bis-sejf, bħalma kien ġara fiż-żmien f’Mekka, fejn dawk li ma jemmnux attakkaw lill-Musulmani u ppruvaw jeqirdu l-Iżlam.

Issa, l-allegazzjoni li l-kunċett Iżlamiku tal-Ġenna għamel lill-Musulmani aggressivi u ostili u ħeġġiġhom jagħmlu użu mill-Ġiħad, hija wkoll inġusta.

Fil-vers li għadni kemm ikkwotajt, Alla li jista’ kollox qal biċ-ċar li Hu ma jħobbx lil min ma josservax il-kmandament. Jekk Alla ma jħobbx persuna, mhemmx mod li din tidħol il-Ġenna. Il-mistoqsija hi; X’inhuma l-livelli li jitrattaw lil dawk li ma josservawx il-kmandament? Dan huwa wkoll tagħlim uniku. Jekk wieħed ma jemminx f’Alla, li jista’ kollox, u jekk wieħed ma għandux il-biża’ t’Alla f’qalbu, allura ma jistax jilħaq livelli tant għoljin.

Alla li jista’ kollox jgħid hekk fil-Koran Imqaddes:

“Intom li temmnu, kunu sħaħ (fil-qadi ta’ dmirijietkom) lejn Alla, u (kunu) xhieda bil-ħaqq. La tħallux li l-mibegħda tagħkom għal xi nies (għedewwa tagħkom) tinċitakom timxu b’mod ieħor u ma timxux bil-ħaqq. Kunu dejjem ġusti, (għaliex) dan huwa eqreb lejn it-tjubija. U ibżgħu minn Alla; Alla tabilħaqq jaf sew b’dak li tagħmlu.” [7]

Dan il-vers jgħidilna li jekk intom għandkom twemmin sod, allura aġixxu skont il-kmandamenti ta’ Alla li jista’ kollox, kunu ġusti u ibqgħu tal-istess fehma. X’inhuma l-ħtiġijiet tal-ġustizzja? Qabel kollox, aġixxu skont it-tagħlim tal-Iżlam u kunu mudell għal ħaddieħor.

Jista’ terrorist ikun mudell u eżemplari għal ħaddieħor? F’dawn iż-żminijiet, mhux biss dawk li mhumiex Musulmani, imma anke l-maġġoranza tal-Musulmani ma jaqblux mat-terroristi jew mas-suicide bombers. Għalhekk, huma biss l-għemejjel it-tajba li jattiraw oħrajn, u mhux l-għemejjel il-ħżiena.

F’dan il-vers ukoll, fost il-ħafna għemejjel tajba li Musulman ġie mitlub jagħmel, għemil wieħed tajjeb, li fuqu waqgħet l-attenzjoni tagħna jirrigwardja l-għedewwa.

Fil-qosor, semmejt il-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-emigrazzjoni u dawk li eżistew warajha.

Issa, f’dak il-kuntest, ikkunsidraw dan il-kmandament, li jgħid li l-mibegħda tan-nies ma għandhiex tbiegħdek mill-ġustizzja. Wieħed jista’ jara li t-tagħlim Iżlamiku qiegħed hemm biex jistabbilixxi l-ġustizzja. Jekk hemm il-gwerer, għandhom joqogħdu għal-liġi; per eżempju, huwa kkmandat: Jekk żammejt il-priġunieri, ittrattahom sewwa. Imbagħad, jekk l-għadu jċedi l-armi, il-ġustizzja trid tiġi mħarsa – u, aktar minn hekk, huwa neċċessarju li biex il-paċi tiġi stabbilita – il-ġlied għandu jintemm immedjatament.

Għall-kuntrarju ta’ dan, f’dan iż-żmien taċ-ċiviltà, nistgħu naraw li jekk żewġ naħat qegħdin jiddiskutu t-tmiem ta’ gwerra bejniethom, fl-aħħar mumenti, naħa minnhom tqanqal biża’ fl-ieħor billi tibbumbardjah bla waqfien. Għalhekk l-aktar naħa b’saħħitha, imbagħad tkun tista’ ġġiegħel lin-naħa d-dgħajfa taċċetta l-kundizzjonijiet li timponilha.

Alla li jista’ kollox, jiggwida lill-Musulmani billi jiddikjara:

“U jekk (l-għedewwa) imilu lejn is-sliem, mela għandek tmil lejh, u ħalli f’idejn Alla. Huwa tabilħaqq Dak li Jisma’ kollox u Jaf kollox.” [8]

Għalhekk it-tagħlim hu, li jekk l-għadu imil lejn il-paċi, allura inti wkoll għandek tfittex il-paċi.

It-tagħlim hu li tafda f’Alla, għaliex jista’ jagħti l-każ li l-għadu joffri idu biss biex jerġa’ jissaħħaħ u mhux għax ikollu intenzjonijiet tajba. Madankollu, inti kkmandat li toffri idek b’sinjal tal-paċi u tafda f’Alla, u tirtira mill-ġlied immedjatament. Ma tistax tagħti prijorità lill-istrateġiji militari.

Għalhekk, waqt it-trattat ta’ Hudaibiyyah (il-ftehim li kien iffirmat bejn il-Musulmani u n-nies ta’ Mekka meta marru għall-ħaġġ[9]), minkejja l-insistenza ta’ dawk li kienu jakkumpanjawh, u minkejja li kienu minn fuq, il-Profeta Mqaddes Muħammad, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, aċċetta l-kundizzjonijiet tan-nies ta’ Mekka li ma kinux jemmnu. L-invażjoni ta’ Mekka, ukoll, saret minħabba li dawk li ma jemmnux kienu kisru t-trattat.

Iżda minkejja l-fatt li l-Musulmani issa kienu r-rebbieħa, min ma użax l-armi fuqhom seta’ jgħix fil-paċi bħal wieħed li ma jemminx. Anke l-aktar għedewwa ħorox kienu maħfura. Dawn il-fatti mhumiex moħbija; l-istorja tixhidhom. Ħafna mill-istoriċi tal-Orjent semmew dawn (il-ġrajjiet).

Jaħasra! Minkejja dan kollu, xi politiċi u l-midja fil-Punent, ma qagħdux lura milli jqiegħdu l-Iżlam, il-Koran u l-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, fil-mira tagħhom. Il-karikaturi tal-Profeta Mqaddes (il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu) f’ċerti gazzetti u l-istqarrijiet li għamel membru parlamentari fl-Olanda li wkoll ipproduċa film, attakka l-Koran u l-Profeta Mqaddes, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu.

Il-Musulmani jikkunsidraw lil kwalunkwe Profeta, is-sliem u l-barka ta’ Alla jkunu fuqhom ilkoll, imsemmija f’liema ktieb reliġjuż li jkun, bħala Profeta vera. Għalhekk, ebda Musulman, u allura ebda Musulman Aħmadi[10] li jemmen fil-Messija Mwiegħed ta’ din l-era, mhu mistenni li jinsulta jew itabba’ ġieħ ħaddieħor. Mill-Koran Imqaddes, aħna tgħallimna li bħala Profeti ta’ Alla, il-Profeti kollha huma meqjusa ndaqs. Aktar minn hekk, Alla jgħid: “Jiena bgħatt il-Profeti lil kull poplu.”[11] Għalhekk, aħna mingħajr ma noqogħdu naħsbuha, naċċettaw lil kull Profeta li ntbagħat lil xi nazzjon li jafferma li dak il-Profeta ġie fosthom. Inċidentalment, skont aħna, dan hu l-uniku mod biex tinżamm il-paċi fid-dinja f’dan iż-żmien. Is-sentimenti ta’ kull reliġjon u poplu għandhom ikunu rispettati.

Diġà għedtilkom f’liema sitwazzjonijiet jew taħt liema kundizzjonijiet il-gwerra hi permessa. Imma l-mistoqsija hija din; Il-gwerer f’isem ir-reliġjonijiet huma permessi f’dawn iż-żminijiet? U jekk le, x’inhu s-sinifikat tal-Ġiħad? U x’inhi l-interpretazzjoni tal-Ġiħad skont il-Musulmani Aħmadin?

Imma (qabel inwieġeb), nixtieq ngħid li l-gwerer tal-aħħar sekli kienu prattikament politiċi u ġeografiċi fin-natura tagħhom, u rari kienu kawża tar-reliġjon. Aktar minn hekk, matul l-aħħar seklu, żewġ gwerer dinjija ġew miġġielda fejn fihom il-Musulmani ma kellhomx sehem ewlieni, u dawn (il-gwerer) saru minħabba interessi politiċi.

Qabel nakkużaw l-Iżlam li huwa reliġjon tat-terroriżmu, il-ġustizzja tirrikjedi li dawk li jagħmlu l-akkużi għandhom jikkunsidraw ukoll il-kawżi tal-gwerer imsemmija f’dawn is-sagħtejn.

Hu x’inhu l-każ, fil-qosor nixtieq nippreżenta d-definizzjoni tal-Ġiħad, kif mogħtija mill-Fundatur tal-Komunità Aħmadija u ngħid kif wieħed jista’ japplikaha għalih fiż-żminijiet tal-lum.

F’din id-dinja żviluppata ta’ din l-era, kulħadd għandu l-jedd li jipprattika, li jippriedka u jistqarr twemminu. Fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanzi għall-gwerra li semmejt ma jeżistux aktar. Allura, x’inhu dan l-istorbju kontra l-Ġiħad?

Għalhekk irrid nispjega t-tip ta’ Ġiħad li l-komunità tagħna temmen fih f’dawn iż-żminijiet tal-lum. Aktar minn mitt sena ilu, il-Fundatur tal-Komunità Aħamdija wieġeb hekk lil kritiku li ressaq oġġezzjoni relatata mal-Ġiħad:

“Dan il-kritiku semma l-Ġiħad tal-Iżlam u jaħseb li l-Koran ixewwex għall-gwerra Qaddisa mingħajr kundizzjonijiet. Ma jistax ikun hemm xniegħa falza aktar minn hekk. Il-Koran jippermetti biss taqbid kontra dawk li jżommu n-nies ta’ Alla milli jemmnu, jaċċettaw ir-reliġjon tiegħU, u jżommuhom milli joqogħdu għall-Kmandamenti ta’ Alla u milli jadurawH.

Alla jippermetti t-taqbid kontra dawk li jitqabdu kontra l-Musulmani mingħajr raġuni u dawk li jbiegħdu lil dawk li jemmnu minn djarhom u artijiethom; u dawk li jisfurzaw lill-kreaturi ta’ Alla fir-reliġjonijiet tagħhom; u dawk li jridu jxejnu l-Iżlam u jżommu n-nies milli jħaddnu r-reliġjon Musulmana.” [12]

Imbagħad meta jitkellem dwar il-ħakma Brittanika tas-subkontinent (l-Indja u l-Pakistan), il-Messija Mwiegħed, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu, jgħid:

“Il-fatti fuq din il-kwistjoni huma li l-Gvern ma jindaħalx fir-reliġjon tal-Iżlam u d-drawwiet reliġjużi tiegħu u lanqas ma juża s-sejf biex jippromwovi r-reliġjon tiegħu. Skont it-tagħlim tal-Koran Imqaddes, huwa kontra l-liġi li tiġġieled kontra gvern simili għaliex ma jidħolx f’xi gwerra reliġjuża.” [13]

Il-Fundatur tal-Komunità Aħmadija jiddikjara wkoll:

“Xi Musulmani slavaġ isemmu t-tixrid tad-demm krudil Ġiħad, u ma jafux li meta tikkonfronta ħakkiem ġust, hu ribelljoni u mhux Ġiħad. Aktar minn hekk, persuna li ma żżommx wegħda, u min jikkommetti att ħażin minflok att tajjeb u min jikkastiga l-innoċenti huwa tirann u mhux ġeneral rebbieħ.”[14]

Allura, dan huwa t-tagħlim veru tal-Iżlam kif imfisser lilna mill-Messija ta’ din l-era, li jrid jistabbilixxi fis-sod il-paċi u jagħni d-dinja b’atmosfera ta’ mħabba u affezzjoni.

Illum il-ġurnata naraw attakki suwiċida minn dawk li jsejħu lilhom infushom Ġiħadi sabiex iweġġgħu s-suldati tal-għadu biss, imma fil-fatt Musulmani sħabhom qegħdin jinqatlu wkoll f’dawn l-attakki. Dan huwa ħażin. Huwa fid-dmir tal-gvernijiet li jassiguraw il-paċi. Kull att li tikkommetti xi persuna li ma tagħmilx parti minn armata huwa ribell u mhux Ġiħad.

Il-mistoqsija li qajjimt kienet is-sinifikat tal-Ġiħad, u t-tweġiba hi li f’dan iż-żmien, il-Ġiħad li temmen fih il-Komunità Aħmadija Musulmana, huwa r-riforma ta’ dak li jkun.

Din mhijiex idea riċenti; kienet imsemmija 1400 sena ilu mill-Fundatur tal-Iżlam wara li rritorna minn battalja meta qal li aħna, minn Ġiħad minuri resqin għal Ġiħad akbar, u dan il-Ġiħad akbar huwa l-Ġiħad li wieħed jirriforma lilu nnifsu; u li huwa dejjiemi u bla tmiem. L-istat tal-gwerra ma jibqax jeżisti għal dejjem.

Il-Ġiħad veru huwa r-riforma tal-ħażen li jitwieled fi żminijiet ta’ paċi u kumdità. Il-qadi tal-umanità huwa Ġiħad veru u l-120 sena ta’ storja tagħna, jiġifieri l-Komunità Aħmadija, tixhed dan kollu. Aħna marbutin ma’ dan il-Ġiħad.

Filwaqt li aħna qegħdin nippruvaw irressqu l-umanità aktar lejn il-Ħallieq, l-iskejjel u l-isptarijiet tagħna, il-pjanijiet tagħna għall-bjar u l-pompi tal-ilma fil-pajjiżi tal-Afrika, l-Asja u f’pajjiżi foqra oħra mxerrda ’l hawn u ’l hinn fid-dinja, qegħdin ikomplu. Qegħdin ngħinu wkoll lil dawk li ġew affettwati minn diżastri naturali. L-għaqda L-Umanità l-Ewwel[15] fil-Ġermanja għamlet xogħol tremend u meraviljuż f’dan ir-rigward billi għenet foqra u orfni, ħaffret il-bjar u pprovdiet l-elettriku. Filwaqt li jiggwidana f’din id-direzzjoni, il-Fundatur tal-Komunità Aħmadija jgħid:

“F’dan iż-żmien, jiena speċifikament nagħti struzzjonijiet lill-Komunità tiegħi, li taċċettani bħala l-Messija Mwiegħed, li dejjem għandhom joqogħdu ’l bogħod minn dawn id-drawwiet ħżiena. Alla bagħatni bħala l-Messija Mwiegħed u libbisni l-libsa tal-Messija, bin Marija.

Jiena, għalhekk, inwiddibkom: Oqogħdu ’l bogħod mill-ħażen u uru l-ħniena lejn l-umanità. Naddfu qalbkom mill-ħjiena u l-inkejja, u intom issiru bħal anġli b’dawn l-atteġġjamenti. Hija reliġjon maħmuġa u mhix qaddisa dik li hi nieqsa mis-simpatija lejn l-umanità u mniġġes huwa l-passaġġ mimli bl-egoiżmu tagħha u mimli mibegħda. Uru l-ħniena lejn kulħadd għall-imħabba t’Alla sabiex magħkom issir il-ħniena fil-ġenna. Ejjew u jien ngħallimkom mod kif id-dawl tagħkom jista’ jdawwal fuq dwal oħra. Warrbu kull mibegħda u għira u uru l-ħniena lejn l-umanità, u ntilfu f’Alla”.

“Ġejt għandkom b’ordni: il-Ġiħad bis-sejf spiċċa mil-lum ’il quddiem, imma l-Ġiħad li jsaffi l-erwieħ għandu jkompli. Dan mhux qiegħed ngħidu minn żniedi. Din hija r-rieda ta’ Alla. U hu semma t-tradizzjoni tal-Profeta Mqaddes tal-Iżlam, li meta jiġi, il-Messija jxejjen u jtemm kull gwerra reliġjuża. Minħabba f’hekk, allura jiena nikkmanda lil dawk li ngħaqdu miegħi sabiex iwarrbu kull ħsieb dwar dan, inaddfu qlubhom, jinkoraġġixxu s-simpatija u juru ħniena lejn il-batut.

Għandhom ixerrdu l-paċi madwar id-dinja għaliex dan għandu jifrex il-fidi tagħhom.” [16]

Jekk ningħaqdu f’dan il-Ġiħad mingħajr ebda ostakli, huwa għaliex f’din is-sistema spiritwali aħna magħqudin bħal katina bit-tmexxija tkun l-id tal-Khilafat tal-Messija ta’ din l-era. L-għaqda li teżisti bejn il-membri u l-Khilafat iġġegħilna nimxu dejjem aktar fuq it-tagħlim li twassal lilna mill-Messija ta’ Muħammad (il-paċi miegħu). Dan it-tagħlim jonora d-drittijiet li jobbligawna lejn Alla li jista’ kollox u dak kollu li huwa ħolqien tiegħU sabiex inħottu l-ħitan ta’ mibegħda u nferrxu l-fwieħa tal-imħabba u l-affezzjoni.

F’dawk is-siltiet li qrajt lilkom bħala semmiegħa edukati, issa li ġibtkom konxji tal-messaġġ veru tal-Iżlam, għandkom tiddeċiedu għalikom infuskom jekk l-Iżlam jippriedkax it-terroriżmu jew il-paċi u s-sigurtà. La huwa tajjeb u lanqas ġust li reliġjon tiġi kkundannata minħabba azzjonijiet ta’ xi grupp jew ftit individwi.

Għalhekk, nissuġġerilkom titolbu l-ġustizzja ma’ dawk li tkunu magħhom f’ħajjitkom. Dan ukoll ikun Ġiħad veru daparti tagħkom imma ovvjament ma jagħmilkomx membri ta’ xi Organizzazzjoni tal-Ġiħadi.

Grazzi talli qgħadtu tisimgħuni.



Glossarju

[1] Il-Komunità Aħmadija Musulmana.

[2] Il-Profeta Mqaddes tal-Iżlam Muħammad, il-paċi u l-barka ta’ Alla jkunu miegħu, bassar li kellu jiġi l-Messija Mwiegħed u l-Maħdi (Gwida) sabiex jirriforma t-tagħlim Iżlamiku.

[3] Il-Gvern Brittaniku u l-Ġiħad, Ruħani Ħaża’in*, is-17-il volum, paġna 17.

* Ruħani Ħaż’in hu s-sett tal-kotba tal-Messija Mwiegħed, Ħażrat Mirża Gulam Aħmad, il-paċi ta’ Alla tkun miegħu 1835-1908, għandu 23 volum u aktar minn 84 ktieb.

[4] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 2, Vers 257.

[5] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 22, Versi 40-41.

[6] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 2, Vers 191.

[7] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 5, Vers 9.

[8] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 8, Vers 62.

[9] Il-pellegrinaġġ tal-Musulmani għal Mekka.

[10] Musulman Aħmadi (pl-Aħmadin) huwa membru tal-Komunità Aħmadija Musulmana.

[11] Il-Koran Imqaddes, Kapitlu 10, Vers 48.

[12] Noor-ul-Ħaq l-ewwel parti, Ruħani Ħaża’in, it-8 volum, paġna 62.

[13] Kaxti Nuħ, Ruħani Ħaża’in, id-19-il volum, paġna 75.

[14] Toħfa Keserija, Ruħani Ħaża’in, it-12-il volum, paġna 280.

[15] Humanity First hi għaqda nongovernattiva reġistrata f’25 pajjiż. Ilha taħdem fuq proġetti għall-iżvilupp tal-umanità u tagħti l-appoġġ tagħha sa mill-1992. Aktar minn 93% tal-fondi li jinġabru f’isem l-organizzazzjoni jmorru għal proġetti umanitarji. Humanity First titmexxa minn voluntiera. Aktar tagħrif jista’ jinstab fuq is-sit elettroniku: http://humanityfirst.org/

[16] Il-Gvern Brittaniku u l-Ġiħad, Ruħani Ħaża’in, is-17-il volum, paġni 14 -15

No comments:

Post a Comment