It-Terroriżmu u l-Attakki Suwiċidji
Wieħed mill-karatteristiċi distinti taż-żmien li aħna ngħixu fih huwa l-preżenza tal-vjolenza kbira fis-soċjetajiet tagħna. Xi drabi naraw splużjonijiet ta’ bombi fis-swieq; xi drabi ħajġeks ta’ ajruplani fejn nies huma miżmuma għall-skopijiet politiċi jew personali. Ngħixu fi żmien fejn il-manipulazzjoni u t-telfien ta’ ħajjiet innoċenti saret xi ħaġa tas-soltu. Din il-problema tal-vjolenza qiegħda ddur kullimkien u t-terroriżmu huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-ikbar perikli għall-paċi u s-sigurtà fis-soċjetajiet tagħna.
Il-kelma terroriżmu ġiet fl-użu wiesa’ ftit snin ilu biss, pero, issa t-terroriżmu fil-fatt idawwar id-dinja kollha u jidher f’forom varji. Xi drabi nsibu xi Musulmani jew xi gruppi ta’ Musulmani nvoluti f’dawn l-attakki terroristiċi u suwiċidji. U minħabba dawk il-ftit Musulmani, u l-azzjonijiet ħżiena li jwettqu, b’xorti ħażina r-reliġjon tal-Iżlam hija miżmuma responsabbli għall-atti ta’ grupp żgħir ta’ Musulmani, kif ukoll għall-atti ta’ dawk li mhumiex Musulmani.
Nammetti, bla dubju ta’ xejn, li hemm Musulmani wkoll involuti f’attakki terroristiċi u suwiċidji madwar id-dinja f’isem l-Iżlam. B’xorti ħażina, dawk terroristi għandhom appoġġ kbir mill-mexxejja u mill-organizzazzjonijiet reliġjużi. Imma t-terroristi huma grupp żgħir ta’ Musulmani, u fl-aħħar mill-aħħar mhumiex l-ambaxxaturi tal-Iżlam, għaliex huma jaħdmu fuq l-aġendi u l-interessi politiċi jew personali tagħhom biss. Dawk huma n-nies li jkissru l-ftehim u l-liġi u jistħoqqilhom li jiġu kkundannati bil-qawwa u jiġu kkastigati severament skont il-liġi tal-pajjiż għall-atti ħorox u aggressivi tagħhom.
B’xorti ħażina, issa t-terroristi bedew jattakkaw il-Komunità Aħmadija li temmen fil-paċi u diġà qed tbati mill-persekuzzjoni u vjolenza kbira f’ċerti pajjiżi. U ħafna membri ta’ din il-Komunità diġà nqatlu fil-passat.
Il-Komunità Aħmadija tħaddan il-prinċipji tal-paċi, tat-tolleranza, tal-imħabba u r-rispett bejn segwaċi ta’ twemmin differenti. Hija żżomm sod u taġixxi fuq it-tagħlim Koraniku. “Mhemmx sfurzar fir-reliġijon.” (Il-Koran Imqaddes: 2:257)
Fid-28 ta’ Mejju fill-belt ta’ Lahore, fil-Pakistan, it-terroristi attakkaw żewġ moskej tal-Komunità Aħmadija u qatlu aktar minn 95 ruħ u weġġgħu iktar minn 125 Aħmadin innoċenti meta kienu miġburin fit-Talb tal-Ġimgħa. Il-persekuzzjoni kontra l-Komunità Aħmadija ilha tiġri għal ħafna snin, f’ċerti pajjiżi. Ħafna gvernijiet u awtoritajiet huma wkoll involuti f’din il-persekuzzjoni. Ħafna liġijiet diskriminatorji ġew introdotti kontra l-Komunità.
Fil-Pakistan, ħafna konfrenzi ġew organizzati fejn il-mexxejja reliġjużi jagħmlu d-diskorsi tagħhom, u ħafna pamflets u banners jiġu ppublikati bil-messaġġ ċar li l-Aħmadin huma “waġbul qatl” – jiġifieri li għandhom jinqatlu. Huma jinċitaw lin-nies u jgħidulhom li jekk xi ħadd joqtol Aħmadi jmur dritt fil-ġenna.
Jaħasra! Meta sejrin il-bnedmin itemmu l-persekuzzjoni u l-vjolenza kontra xulxin sabiex kulħadd jista’ jemmen u jipprattika r-reliġjon li jħobb għalih innifsu b’independenza, b’ħelsien u bil-libertà kollha.
Il-Musulman veru qatt ma jista’ jagħmel dawk l-affarijiet ħżiena, għaliex fl-Iżlam m’hemm l-ebda spazju għat-terroriżmu u huwa ma jaqbilx mal-idea tat-terroriżmu, jew oħrajn simili bħall-fanatiżmu, fundamentaliżmu u l-attakki suwiċidji u l-Iżlam dejjem jitkellem kontrihom.
Fil-Koran Imqaddes insibu t-tagħlim veru kontra t-terroriżmu kif ukoll attakki suwiċidji. Alla jgħid: ‘Alla ma jħobbx il-ksur tal-paċi’ (K.2 : V.206); ‘Dawk li jagħmlu l-ħsara fl-art huma t-telliefa’ (K.2: V.28); ‘U la tagħmlux inġustizzja fl-art bil-ħsara u bil-ksur tal-paċi’ (K.2 : V.61); ‘Intom li temmnu, obdu lil Alla u obdu lill-Messaġġier, u lil dawk li għandhom l-awtorità fuqkom’ (K.4 : V.60)
Din l-aħħar kwotazzjoni tfisser li kulmin għandu l-awtorità fuqkom, Musulman jew mhux, il-gvern Iżlamiku jew mhux, huwa importanti li jiġu obduti u qatt ma jinkisru l-liġijiet tal-pajjiż.
Kontra l-attakki suwiċida, Alla jgħid: “La toqtlux lilkom infuskom! Alla tabilħaqq huwa Ħanin magħkom. U min jagħmel hekk b’aggressjoni u b’inġustizzja, se naħarquh fin-Nar.” (K.4 : V.30-31).
Wara dan it-tagħlim ċar, dawk il-Musulmani li huma nvoluti fit-terroriżmu jew fl-attakki suwiċidji m’għandhomx ġustifikazzjoni għall-atti tagħhom.
Fil-qosor, l-Iżlam bħala reliġjon huwa r-reliġjon tal-paċi u l-imħabba bħar-reliġjonijiet oħrajn, u jikkundanna attakki krudili u barbari ta’ dix-xorta. Sa ma dak li għandu x’jaqsam mal-Iżlam, l-Iżlam kategorikament jiċħad u jikkundanna kull forma ta’ terroriżmu. Ma jipprovdi l-ebda għata jew ġustifikazzjoni għal kwalunkwe att ta’ vjolenza, kemm jekk issir minn xi indvidwu kif ukoll minn xi grupp jew gvern. Aħna nikkundannaw bil-qawwa kollha kull att u kull forma ta’ terroriżmu għaliex hu t-twemmin tagħna profond li mhux biss l-Iżlam iżda wkoll l-ebda reliġjon vera, hu x’inhu l-isem tagħha, ma tista’ tapprova l-vjolenza u t-tixrid tad-demm ta’ rġiel, nisa u tfal innoċenti f’isem Alla.
Aħna, il-Komunità Aħmadija nwarrbu u nikkundannaw kull forma ta’ terroriżmu, b’mod kategoriku. Aħna, dejjem, mill-bidu sal-lum, b’qawwa kbira nikkundannaw l-użu tal-forza hi x’inhi r-raġuni. U nemmnu fl-imħabba, fil-paċi, fl-armonija, fit-tolleranza u fil-ħbiberija. Il-motto tagħna “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd” huwa t-tifsira vera tal-fidi tagħna.
Issa, wasal iż-żmien li aħna bħala bnedmin nikkundannaw it-terroriżmu li qed idawwar id-dinja kollha u jagħmel ħsara lis-soċjetajiet sbieħ tagħna bil-kliem u bl-għemil tagħna, u nistabbilixxu l-paċi, l-imħabba, it-tolleranza u l-ħbiberija f’kull naħa tad-dinja.
Laiq Ahmed Atif
President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta
Illum: Il-Ħadd 04 ta’ Lulju 2010, paġni 18-19: http://newspaper.maltatoday.com.mt/latest_illum