Ejjew nirbħu l-pjaċir ta’ Alla
Illum il-ġurnata nsibu faqar kbir imxerred ma’ kullimkien fid-dinja. Hemm ammont kbir ta’ nies li huma inqas fortunati fil-pajjiżi kollha tad-dinja – fil-pajjiżi foqra kif ukoll fil-pajjiżi sinjuri. U b’xorti ħażina dan-numru ta’ nies li huma foqra qed jiżdied kuljum. Fis-snin riċenti rajna żieda kbira minħabba kriżijiet ekonomiċi li jdawru d-dinja kollha, mil-lemin għax-xellug u minn fuq għal isfel.
Issa, il-mistoqsija hi li kif nistgħu neliminaw din il-problema tal-faqar mis-soċjetajiet tagħna kif ukoll mid-dinja kollha inġenerali?
Ħafna drabi nsibu li n-nies għandhom klejms kbar; għandhom pjanijiet ambizzjużi li, iva se nibnu l-sptar fil-parti l-fqira tad-dinja, iva se niftħu skola għan-nies li huma inqas edukattivi meta jkollna flus bil-miljuni, ukoll se nipprovdu l-ilma safi fil-pajjiżi l-foqra ta’ din il-pjaneta li aħna ngħixu fiha.
Imma huma jinsew li l-ġrien tagħhom huma bil-ġuħ; huma jinsew li l-qraba tagħhom huma f’ pożizzjoni ħażina; huma jinsew li kemm hemm nies bla djar fil-belt jew fir-raħal tagħhom stess.
Hemm ukoll nies li jgħixu fid-djar tax-xjuħ u m’hemm ħadd li jitkellem magħhom imqar ftit kliem. Xi drabi inti tmur għandhom u tgħid ftit kliem ħanin u sabiħ u tara t-tbissima u d-dawl tal-ferħ fuq wiċċhom. U għal dan m’għandniex il-bżonn tal-miljuni, imma għandna l-bżonn tal-imħabba għall-umanità.
Ir-reliġjonijiet differenti wkoll jgħallmuna dwar il-ħidma għall-umanità. Meta nistudjaw ir-reliġjonijiet il-kbar tad-dinja nsibu żewġ punti komuni ħafna fit-tagħlim tagħhom; l-imħabba u l-qima lil Alla u s-servizz għall-umanità. Dan is-servizz huwa wieħed mill-iktar kwalitajiet importanti ta’ kull reliġjon. Dik ir-reliġjon mhijiex reliġjon vera jekk m’għandhiex is-simpatija, bħalma lanqas dak ir-raġel ma jistħoqqlu jitqies bi bniedem jekk m’għandux is-simpatija u l-imħabba fih innifsu.
Hawn niftakar tradizzjoni tal-Profeta Muħammad, il-paċi miegħu. Għalkemm kien qed jitkellem ma’ sħabu xorta waħda din il-lezzjoni hija tajba ħafna u kulħadd jista’ jgawdi minnha. Hu qal li f’ Jum il-Ħaqq Alla se jikkonfrontakom u jgħidilkom li: “Kont marid u inti ma staqsejtx dwar saħħti”. Il-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, u qatt ma timrad, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna”. Alla se jgħid: “Le, wieħed mill-qaddeja Tiegħi kien marid u kellek tistaqsi dwar saħħtu u kont issibni hemm”. U wara dan se jkompli jafferma u se jgħid: “Kelli l-ġuħ u ma tajtnix ikel, kelli l-għatx u ma tajtnix ilma, ma kellix libsa u ma libbistnix”. U kuldarba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna”. Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddeja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak”. U kuldarba se jgħid: “Li kieku inti għamilt dan kollu, kont issibni hemm”.
Din it-tradizzjoni turi biċ-ċar, li jekk aħna rridu li nsibu l-Alla, il-Ħalieq tagħna u rridu relazzjoni personali miegħU, allura huwa importanti li aħna mmorru għand il-foqra u ngħinuhom, immorru għand xi ħadd li hu fil-bżonn u nieħdu ħsiebu, immorru għand xi ħadd li hu marid u nwennsuh. Jekk trid tiltaqa’ ma’ Alla tiegħek u wkoll trid tirbaħ l-imħabba tiegħU, mur għand in-nies li għandhom bżonnok u għinhom.
Għeżiż ħuti, jekk għandna klejms kbar u pjanijiet ambizzjużi għas-servizz tal-umanità dawn kollha huma tajbin. Imma, dan hu wkoll importanti ħafna li nħarsu madwarna u ngħinu n-nies li qed jgħixu fis-soċjetajiet tagħna. Jekk aħna ġenituri u ma niħdux ħsieb tajjeb tat-tfal tagħna, jekk aħna tfal u ma nurux rispett kbir lejn il-ġenituri tagħna, jekk ma nittrattawx lin-nisa tagħna bil-ħniena, jekk il-ġrien tagħna mhumiex fil-paċi minħabba fina, jekk għandna l-flus u ma rridux naqsmu mal-foqra u ma’ dawk li huma fil-bżonn u mal-orfnijiet u mar-romol, u jekk għandna l-ħobż u m’aħniex lesti li nagħtu nofs lill-fqir jew lil dak li hu fil-bżonn, allura, jiena nibża’ li ma nistgħux inservu ‘l-umanità kif suppost. U ma nistgħux nagħmlu l-klejms u l-pjanijiet tagħna realtà. Il-karità tibda mid-dar, kif ngħidu bl-Ingliż “Charity begins at home”. Jekk maħniex ngħinu n-nies li huma qrib tagħna, li huma jgħixu madwarna, u li huma fis-soċjetajiet tagħna kif jista’ jkun possibbli li ngħinu ‘l dawk li huma ‘l bogħod minna.
Għalhekk huwa importanti li l-ewwelnett nibdew servizz għall-umanità mis-soċjetajiet tagħna u mbgħad nespandu din il-ħidma fid-dinja kollha, f’kull naħa tad-dinja, f’kull pajjiż li hu fqir.
Il-ħidma għall-umanità hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Meta ngħinu lil xi ħadd u naraw il-ferħ kbir fuq wiċċu, żgur inħossu sodisfazzjon liema bħalu. U meta dawk in-nies se jkunu ferħana, jiena nemmen li Alla li jista’ kollox se jkun ferħan ukoll. Jista’ jkun hemm xi ħaġa isbaħ fid-dinja mill-ferħ ta’ Alla? Le, żgur le, qatt ma jista’ jkun hemm xi ħaġa isbaħ mill-ferħ ta’ Alla.
Allura, ejjew, aħna kollha naħdmu flimkien biex inbiddlu l-ħajja tan-nies li huma inqas fortunati. Ejjew inservu ‘l-umanità kollha u biex neħilsu ‘l-umanità maħqura mill-uġigħ u l-mard tagħha. Ejjew nagħmlu s-servizz għall-umanità l-mira u l-oġġettiv mixtieq u mitlub tagħna. Ejjew niddedikaw lilna nfusna għall-ħidma u għas-servizz tal-umanità biex nirbħu l-pjaċir ta’ Alla.
Laiq Ahmed Atif
IT-TORĊA: Sunday, September 5, 2010
No comments:
Post a Comment